Ekonomija Lokali

Pagi baxxi, fuels għoljin

Waqt li kien qed jindirizza l-Kunsill tal-UĦM Voice of the Workers’ dalgħodu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tkellem dwar il-fatt li f’pajjiżna hawn pagi baxxi iżda fuels għoljin. Hu kien qed jippreżenta d-dokument ‘Ekonomija għan-Nies’ li l-Partit Nazzjonalista nieda f’Novembru li għadda. Bħalissa, l-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess ta’ konsultazzjoni dwar dan id-dokument, fost l-oħrajn, mal-korpi kostitwiti u diversi entitajiet oħra.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit li qed ifassal ekonomija għal għada u x’tip ta’ riżultati jrid igawdi minnhom il-poplu Malti u Għawdxi. Hu sostna li l-145 proposta li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista jħarsu lejn ekonomija li tkun hemm għal kulħadd u mhux għall-ftit. Hu rrefera għall-Economic Survey li ppreżenta l-Gvern fil-budget li għadda li jikkonferma li l-pagi f’Malta mhux qed jikbru. Minn naħa l-oħra, l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta huma fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea u qed iħallu impatt negattiv fuq il-bwiet tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li partit politiku serju jħares ‘il quddiem, u jippjana mhux x’se jagħmel illum biss, iżda anke għada u fis-snin li ġejjin. Hu staqsa għalfejn il-Gvern għadu ma bediex jiddiskuti x’se jsir mill-fondi tal-Unjoni Ewropea wara li fl-2020, jispiċċa l-pakkett ta’ fondi ta’ €1,200,000 li għandu bħalissa, akkwistat mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliem tat-Turiżmu Antoine Borg, kif ukoll il-Kelliema tas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono.