Lokali Saħħa

Reazzjonijiet pożittivi għal-Liġi dwar il-ħajja sana

It-Tnejn li għadda, il-Parlament approva Liġi li tressqet mill-Oppożizzjoni dwar il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja sana u kura ta’ mard li jittieħed. Din il-Liġi, li tressqet mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar f’isem l-Oppożizzjoni f’Ġunju 2014, diġà bdiet tintlaqa’ tajjeb minn diversi professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-mediċina u tas-saħħa. Fost dawn il-professjonisti hemm Clare Gerada u Julia Manning.

Fuq Twitter, Clare Gerada kitbet: “Prosit talli għall-ewwel darba fid-dinja ġiet approvata Liġi li taħdem kontra l-obeżità”. Għalkemm b’kunjom Malti, Clare Gerada twieldet in-Niġerja. Fl-istudju tagħha, tul il-karriera hi speċjalizzat fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali. Ħadmet f’diversi sptarijiet f’Londra u bħalissa qed taħdem bħala d-Direttur Mediku tal-NHS Practicioner Health Programme, li jipprovdi pariri mediċi għal Tobba u Dentisti.

Kumment ieħor b’tifħir għal din il-Liġi kien dak ta’ Julia Manning, li fuq Twitter ukoll ferħet lil Robert Cutajar għall-ħidma tiegħu biex tfasslet din il-Liġi. Kitbet ukoll li bil-Liġi dwar l-Obeżità, pajjiżna se jkun qed iħares lejn “kriżi” bis-serjetà u din il-Liġi hu dak li l-pajjiżi għandhom bżonn. Manning hi l-Fundatur u l-Kap Eżekuttiv tat-2020 Health. L-iskop ta’ din l-inizjattiva hu li s-saħħa personali tingħata prijorità. Hi ħadmet ukoll f’diversi sptarijiet f’Londra u tispeċjalizza fil-kundizzjoni tad-dijabete.

Il-ħsieb wara din il-Liġi hu li jkun hemm ‘a whole society approach’, jiġifieri li ngħixu ħajja sana minn qabel it-twelid tal-persuna sal-perjodu tal-anzjanità.