Ambjent Lokali

Roħs ta’ 50% fil-liċenzja tal-kaċċa, tiddaħħal sistema ġdida ta’ rappurtaġġ

Il-Gvern ħabbar traħħis, inkluż sa 50%, fil-liċenzja tal-kaċċa li issa se tibda tkun f’forma tal-plastik bħall-karta tal-identità, mhux iktar ktejjeb. Se tkun tiġġedded kull ħames snin, mhux iktar kull sena, u mhux se jibqa’ l-ħtieġa għall-kaċċaturi li jirritornaw il-ktejjeb (Carnet de Chasse).

Il-liċenzja se tkun tista’ tiġġedded fl-uffiċċji tal-Maltapost. Il-liċenzja ta’ ħames snin se jiswew €50 kollha kemm huma ħlief dik ta’ kaċċa għall-fenek bl-użu ta’ xbiek, li se tkun tiswa €25. Il-Gvern ikkonferma li kaċċaturi b’liċenzja waħda se jkunu qed jiffrankaw 50% tal-ispejjeż fuq medda ta’ ħames snin.

Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fakkar li kaċċatur irid xorta waħda jkun imsieħeb f’organizzazzjoni tal-kaċċa, policy valida tal-assikurazzjoni, u permess validu mill-Pulizija għall-ġar tal-arma tal-kaċċa. Spjega wkoll li kaċċatur irid jibqa’ jirrapporta dak li jkun qabad, b’sistema tat-telefon iggwidata bil-vuċi u mbagħad jirċievi SMS bħala prova li jkun għamel ir-rapport.

Il-Gvern fakkar ukoll li l-Carnet de Chasse għall-2015/2016 għandhom xorta waħda jiġu ritornati fl-aħħar tal-istaġun, minn nhar it-Tnejn li ġej sas-Sibt 13 ta’ Frar fl-uffiċċji tal-Maltapost. Fin-nuqqas ta’ dan tidħol fis-seħħ multa ta’ €75 li tista’ titla’ sa minimu ta’ €500.

B’reazzjoni, BirdLife Malta nnotat bi pjaċir li mill-emendi kollha proposti għall-konsultazzjoni pubblika, bidliet amministrattivi biss daħlu fis-seħħ. Fakkret li l-għaqda tinsab f’diskussjoni mal-Ministeru kkonċernat biex ma tiddgħajjifx il-liġi b’rabta mal-konservazzjoni tal-għasafar slavaġ.

BirdLife Malta diġà uriet tħassib mas-Segretarju Parlamentari dwar is-sistema l-ġdida għar-reġistrazzjoni tal-qabdiet tal-kaċċa. Spjegat li l-kontrolli fil-post biex jiġi żgurat li l-kaċċaturi jirrappurtaw il-qabdiet tagħhom, issa iktar minn qatt qabel jiddependu fuq it-taqsima tal-ALE li diġà hi mġebbda.

Hi mħassba wkoll għall-fatt li s-sistema l-ġdida ma tiġborx informazzjoni dwar kemm kaċċaturi jkunu ħarġu għall-kaċċa anke jekk ma jkunu qabdu xejn. Spjegat li s-sistema tal-Carnet de Chasse kienet tiġbor din l-informazzjoni wkoll li hi kkunsidrata statistika siewja għall-awtoritajiet biex tirrapporta dwar l-istaġuni tal-kaċċa u d-derogi.