Sport Malta minflok il-Kunsill Malti għall-Isport

L-Opożizzjoni se tkompli tagħti sehem tagħha biex isseħħ il-bidla għal Sports Malta u għal titjib b’kunsens fil-liġi l-ġdida tal-Isport

Gvern u Oppożizzjoni esprimew l-impenn tagħhom li jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-isport Malti bi qbil ukoll dwar Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Isports biex tinbidel in-nomenklatura tal-Kunsill Malti għall-Isport għal Sport Malta.

L-Oppożizzjoni vvutat mal-Gvern dwar dan l-iżvilupp, bil-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, Kelliem dwar il-Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sport, jesprimi l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem b’kollaborazzjoni mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport.

L-Opożizzjoni se tkompli tagħti s-sehem tagħha mhux biss biex isseħħ il-bidla għal Sports Malta, iżda għal titjib b’kunsens fil-liġi l-ġdida tal-Isport bħalma kien hemm qbil fil-politika għaż-żġħażagħ. Hemm ukoll skambju ta’ proposti għal-liġi li tagħti artijiet u propretajiet lill-għaqdiet sportivi.

Appella biex l-Oppożizzjoni tkun rappreżentata fl-istruttura ta’ Sport Malta biex tagħti s-sehem tagħha u ssir ħidma aktar flimkien għal aktar kontribut fl-isport.

Irrifera għal rimarki li għadda fuq il-parteċipazzjoni tat-tim Malti tal-waterpolo fil-kompetizzjoni internazzjonali li qiegħed jipparteċipa fiha bħalissa, u fisser li seta’ nftiehem ħażin għax il-kummenti saru biex ngħinu lill-isport tal-waterpolo għax l-intenzjoni tiegħu dejjem hi għall-ġid tal-isport Malti.

Spjega wkoll li kien ressaq ilmenti b’mod diskret fuq il-KMS u l-kumpless sportiv fil-Kottonera u dan biex ħadd ma jagħmel ħsara lill-isport f’pajjiżna.

Appella wkoll għal aktar taħditiet dwar il-Fun Run tal-President biex ikun hemm parteċipazzjoni akbar. Appella wkoll biex tkompli l-ġdida kontra l-korruzzjoni u dwar il-match fixing fil-futbol f’pajjiżna, u qal li l-Oppożizzjoni għandha abbozz ta’ liġi dwar dan u li l-Oppożizzjoni lesta wkoll li tressaq dan flimkien mal-proposti tal-Gvern.

Irrifera wkoll għal kwistjonijiet pendenti dwar nuqqasijiet ta’ faċilitajiet u bħala eżempju semma t-tim tal-futbol tal-Belt li għandu wkoll ikollu l-faċilitajiet tiegħu. Dwar il-Motor Sport, jemmen li dawn ukoll għandhom ikollhom id-delizzju tagħhom u jistenna li jkunu analizzati l-proposti li se jitressqu fil-ġimgħat li ġejjin għal dan l-isport.

Dwar il-VAT fuq l-isports, David Agius irrimarka biex issir ħidma biex it-tnaqqis fil-VAT imur għand in-nies. Semma wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-bżonnijiet li hemm fil-Marsa Race Track, u għal soluzzjonijiet fil-faċilitajiet tal-Viking Sailing Club.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius talab għal żieda fil-baġit għall-isport u dan quddiem proġetti u bżonnijiet li hemm għal dan is-settur u quddiem ir-realtà li l-isportivi Maltin jistennew li jingħataw l-għodda meħtieġa għas-suċċess, kif qed naraw f’diversi dixxiplini sportivi.