Il-filmat tal-messaġġ li ta l-Prim Ministru fl-okkażjoni tal-Ewwel tas-Sena fuq l-istazzjon nazzjonali u li dwaru kien hemm reazzjoni qawwija għat-teatrin li bih inħadmet il-produzzjoni ta’ dan il-messaġġ, kien maħdum kollu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Wara r-reazzjoni negattiva u taż-żufjett li qanqal dan il-filmat fuq il-midja soċjali – il-produzzjoni ta’ dan il-messaġġ kienet is-suġġett ta’ mistoqsija parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli lill-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru kien mitlub jgħid liema persuna jew aġenzija pproduċiet il-messaġġ tiegħu lin-nazzjon f’lejlet l-Ewwel tas-Sena imxandar fuq l-istazzjon pubbliku, u min kienu l-atturi li ħadu sehem f’din il-produzzjoni u fuq liema kriterju ntgħażlu.
It-tweġiba tal-Prim Ministru ngħatat f’żewġ sentenzi qosra, u qal biss li l-produzzjoni tal-messaġġ kienet f’idejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u li ma kienx hemm atturi.
Il-koppja li l-Prim Ministru uża fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena, taparsi koppja li xtrat l-ewwel residenza tagħha riċentament, fil-verità kienet ilha li xtrat il-propjetà fi Triq Wilġa, f’Ħal Luqa, sa mill-2008. Dan giddeb il-messaġġ tal-Prim Ministru li nqeda bil-koppja taparsi bbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa li ddaħħlet biss riċentament, fl-2014. Dan irriżulta minn dokumenti investigati li ppubblikat The Times of Malta, fosthom kopja tal-kuntratt uffiċjali.
Il-kuntratt, iffirmat quddiem in-nutar Malcolm Mangion, iben id-Deputat Laburista Charles Mangion, fil-fatt iddaħħal uffiċjalment quddiem ir-Reġistru Pubbliku fit-30 ta’ Lulju 2008.
B’hekk kienu mxejna għalkollox l-argumenti li saru fil-filmat, jiġifieri li l-koppja xtrat ir-residenza riċentament kif ukoll li bbenefikaw mill-iskema tal-eżenzjoni mit-taxxa għall-first time buyers.
Il-produzzjoni tal-filmat intqal li swiet madwar €8,000, u li għalih kien hemm reazzjoni negattiva u taż-żufjett, b’ħafna, anke atturi, jikkummentaw li l-messaġġ tal-Prim Ministru kien farsa.
//= $special ?>