18-il għaqda non-governattiva li jaħdmu fil-qasam tas-Social Work qed jipprotestaw għal bidliet li l-Gvern qed jipproponi fil-Parlament għal-liġi tas-Social Work li tobbliga lil social workers ġodda jaħdmu bilfors sentejn full-time jew sitt snin part-time ma’ aġenzija tal-Gvern qabel jingħataw il-warrant.
It-18-il għaqda qed jinsistu li din il-bidla fil-liġi, jekk tgħaddi, se tkun tfisser li huma ma jkunux iktar jistgħu jimpjegaw social workers li jkunu għadhom kemm iggradwaw mill-università, inkluż sorijiet u saċerdoti li ma jkunux jistgħu jagħtu servizz fl-ordni tagħhom stess.
L-istqarrija kienet iffirmata minn aditus, Anti-Poverty Forum Malta, l-assoċjazzjoni tal-iskejjel tal-Knisja, Jesuit Refugee Services, Fondazzjoni Dar Merħba Bik, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Hospice Malta, Inspire, Migrant Women Association Malta, Platform for Human Rights Organisations Malta, Fondazzjoni Richmond, St Jeanne Antide Foundation, Dar San Ġużepp (MSSP), is-Sależjani ta’ Don Bosco, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, SOS Malta, is-Sorijiet Ursolini u Victim Support Malta.
L-għaqdiet qed jinsistu li l-bidliet fil-liġi se jwaqqfilhom xogħolhom għaliex mhux lakemm li social workers li jkunu għamlu sentejn jaħdmu ma’ aġenzija tal-Gvern iħallu post sigur mal-Gvern biex imorru jaħdmu ma’ NGO li tiddependi fuq donazzjonijiet u fondi pubbliċi.
Waqt li fakkru li l-għaqdiet jikkontribwixxu ħafna fil-qasam soċjali, insistew li dawn għandhom jiġu megħjuna mhux imfixkla f’xogħolhom biex ikomplu jgħinu lil gruppi vulnerabbli fis-soċjetà. Spjegaw li t-tip ta’ servizzi li joffru l-għaqdiet mhux l-istess bħal dawk mogħtija minn aġenziji tal-Gvern u nsistew li liġi kif qed jipproponi l-Gvern se twassal li l-istess għaqdiet jispiċċaw mhux professjonali għax ikollhom jimpjegaw nies li ma jkollhomx il-kwalifiċi meħtieġa kif għandhom illum. Wissew ukoll li jekk jiġri hekk, il-Gvern ikollu jżid il-baġit tiegħu għall-faqar u l-inklużjoni soċjali biex ikun jista’ jagħti s-servizz li qed jagħtu llum l-għaqdiet.
L-NGOs għalhekk qed jitolbu lill-Gvern jemenda l-bidliet li qed jipproponi, imma wara li jkun hemm ftehim mas-settur u mal-professjonisti.
Anke l-Maltese Association of Social Workers ħarġet stqarrija li fiha kkritikat din il-bidla partikolari li qed jipproponi l-Gvern. Waqt li laqgħet l-emendi l-oħra proposti, l-assoċjazzjoni ħeġġet lill-Gvern biex iwaqqaf id-dibattitu u jasal għal kunsens magħha u mal-ħaddiema li hi tirrappreżenta biex verament jiġu salvagwardjati l-interessi tal-professjonisti u ta’ min juża s-servizzi tagħhom.
L-assoċjazzjoni qed tinsisti li sentejn esperjenza huma importanti qabel tingħata l-warrant imma dawn m’għandhomx isiru bil-fors f’aġenzija tal-Gvern.
//= $special ?>

