It-terroristi tal-ISIS iddikjaraw li huma responsabbli għal sensiela ta’ splużjonijiet u sparaturi li, dalgħodu, laqtu Jakarta, il-kapitali tal-Indoneżja, u fejn tilfu ħajjithom seba’ persuni – fil-maġġoranza terroristi. It-terrur kien intiż bħala l-aħħar fi kronoloġija twila ta’ dmija mill-ISIS, bl-awtoritajiet f’Jakarta jikkonfermaw li mietu talanqas żewġ ċivili, Kanadiż u Indoneżjan.
Il-qawwiet tas-sigurtà Indoneżjani damu s-sigħat jiġġieldu mat-terroristi f’distrett kummerċjali ta’ Jakarta li hi qrib l-ambaxxati u l-uffiċini tan-Nazzjonijiet Uniti. Sadanittant, inqatlu ħames terroristi, bl-ISIS joħroġ stqarrija fuq l-Internet fis-sens li ‘ġellieda tal-Kalifat spiċċaw jattakkaw ċittadini tal-koalizzjoni li qed tikkumbatti kontra tiegħu’.
L-attakki tallum nisslu paniku kbir f’Jakarta, b’numru ta’ feruti jittieħdu l-isptar b’urġenza. Almenu waħda mill-isplużjonijiet kienet diretta kontra kafeterija tal-kumpannija Amerikana Starbucks u l-pulizija, flimkien ma’ diversi snipers u vetturi armati, ħadu pożizzjoni qalb iz-zoni strateġiċi ta’ Jakarta fost l-isparaturi mat-terroristi. Komplew anki l-isplużjonijiet fil-kapitali, bil-vjolenza ġġebbed fit-tul sakemm il-pulizija setgħu jiddikjaraw is-sitwazzjoni taħt kontroll.
Aktar tard, il-pulizija qalu li t-terroristi ppruvaw jaħarbu lejn teatru li hu parti mill-kumpless li jinkorpora l-kafeterija ta’ Starbucks u fejn seħħet battalja qalila. Tnejn mill-aggressuri mietu fi splużjoni suwiċida waqt li tlieta oħra nqatlu mit-tiri tal-pulizija.
Kelliema f’Jakarta sostnew li l-awtoritajiet Indoneżjani, f’Novembru, irċevew twissija mingħand l-ISIS ‘li kienu qed iħejju xi ħaġa għall-Indoneżja’. L-awtoritajiet jaħsbu li, fl-aħħar snin, bejn 150 u 200 Indoneżjan telqu lejn is-Sirja biex jiġġieldu fuq in-naħa tal-ISIS.
Intant, il-Kap tal-Pulizija Indoneżjana qal li ċittadin Indoneżjan bl-isem Bahrun Naim u li jaħsbu li qiegħed fis-Sirja, ‘kien ilu ż-żmien jippjana l-attakki ta’ Jakarta’.
//= $special ?>