Il-kummenti kontroversjali u iebsa kontra l-Arċisqof minn Glenn Bedignfield, il-Konsulent tal-Prim Ministru, jiksru l-policy għall-media soċjali għall-impjegati tal-Gvern.
Fuq Facebook, wara intervista li l-Arċisqof kellu fuq ix-Xandir tal-Istat, Glenn Bedingfield qal “L-Arċisqof jawgura li l-Prim Ministru, meta jidhol fil-kċina, tkun ta’ veru”. Iżda kompla li “Tal-anqas il-Prim Ministru ma daħalx f’xi kamra tas-sodda ta’ tfal”.
NETnews jista’ jiżvela li l-policy tal-Gvern tispeċifika li meta jiktbu fuq il-media soċjali, l-impjegati, il-kelliema jew l-uffiċjali li jaħdmu mal-Gvern għandhom jagħmlu dikjarazzjoni fejn jispeċifikaw li l-kummenti huma f’isimhom.
Din il-policy titfa’ wkoll responsabbiltà fuq is-Segretarji Permamenti, li jridu jassiguraw li l-Uffiċjali kollha jridu jaċċettaw u jifhmu l-implikazzjonijiet tal-kummenti li huma jagħmlu fuq il-media soċjali. Dwar dan il-każ, il-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli jikkundanna l-kummenti iebsa li l-Assistent tiegħu Glenn Bedingfield għadda fil-konfront tal-Arċisqof.
In-nuqqas ta’ kundanna mill-Prim Ministru kienet trattata f’rapport f’The Times of Malta, li fih intqal li Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-kumment ta’ Bedingfield fuq is-social media għandu jittieħed li sar fil-kapaċità personali tiegħu bħala kummentatur fuq programm satiriku.
Madankollu, il-kumment ta’ Bedingfield ġab reazzjoni mmedjata fl-opinjoni pubblika, b’kundanna qawwija mhux biss għall-kontenut tal-messaġġ, iżda wkoll għall-fatt li dan sar minn Konsulent u Assistent Personali tal-Prim Ministru. Min-naġa tiegħu, l-Arċisqof ma kkummenta xejn għall-attakki ta’ Bedingfield u lanqas għamel reazzjoni.
//= $special ?>


