Formula 1 Sport

Hamilton fiduċjuż li l-Mercedes se jerġgħu jiddominaw

Is-sewwieq u champion tal-Mercedes Lewis Hamilton qal li jemmen li għal darba oħra matul l-istaġun li ġej it-tim tiegħu se jiddomina u se jerġa’ jirbaħ it-titlu tal-kostrutturi. Is-sena li għaddiet Hamilton rebaħ it-tieni titlu konsekuttiv u t-tielet wieħed fil-karriera tiegħu meta għeleb l-isfida tas-sewwieq l-ieħor tal-Mercedes, Nico Rosberg. Wieħed jista’ jgħid li fl-2015 Hamilton sabha aktar faċli biex jegħleb lil Rosberg għax fl-2014 kellu jistenna proprju sal-aħħar Grand Prix f’Abu Dhabi biex aċċerta mir-rebħ tat-titlu mondjali. Fl-istaġun li għadda il-koppja Hamilton u Rosberg mhux biss rebħu bejniethom 16-il Grand Prix imma fi 12-il okkażjoni minnhom dawn temmew fl-ewwel u fit-tieni post u dan juri d-dominju tal-Mercedes f’dan l-isport.

Filwaqt li ħafna timijiet bħalissa qed iħejju għall-istaġun li ġej bit-tama li jnaqqsu d-distakk minn mal-Mercedes is-sewwieq Ingliż Hamilton jemmen li xorta waħda se jkunu hu u Rosberg li finalment jissieltu għar-rebħ tat-titlu mondjali. “Minn tal-anqas għandna sena oħra fejn matulha se nkunu qed niddominaw. Hu ovvju li jista’ jagħti l-każ li jonqos id-distakk minn mat-timijiet għax għadna ma rajniex lill-avversarji fl-azzjoni imma nemmen li fl-aħħar mill-aħħar l-istorja se tirrepeti ruħha,” qal Hamilton.

“Filwaqt li konvint li t-timijiet se jippruvaw jagħmlu minn kollox biex inaqqsu d-distakk wieħed ma jridx jinsa l-avanzi kbar li kompla jagħmel it-tim tagħna matul dawn l-aħħar xhur.”

Rigward hu nnifsu Hamilton qal li se jipprova jagħmel minn kollox biex jerġa’ juri l-istess konsistenza li kellu fl-istaġun li għadda. Sena ilu Hamilton rebaħ 10 Grand Prix u kiseb 11-il pole position u kien biss lejn tmiem il-kampjonat, meta t-titlu kien diġa’ deċiż, li dan naqqas kemmxejn mir-ritmu.

“Hu ovvju li matul kull staġun se jkun hemm mumenti fejn tnaqqas ftit mil-forma. L-għan hu dejjem li tkun konsistenti kemm jista’ jkun. Is-sena li għaddiet is-sigriet tas-suċċess li ksibt kien proprju dan. Nittama li s-sena li ġejja nkompli nitjieb bħala sewwieq u li ma nirrepetix il-ftit żbalji li għamilt matul is-sena li għaddiet,” temm jgħid Hamilton.