Iktar minn 3,000 ruħ offrew ħinhom biex jgħinu, b’mod volontarju, għaqdiet mhux governattivi.
L-Uffiċċju tal-President qal li l-kampanja Noffri.com issa se tidħol f’fażi differenti wara li d-donazzjonijiet tal-ħin ġew analizzati bir-reqqa u dawk li speċifikaw is-settur, minflok l-għaqda partikolari, ġew ikkuntattjati għal iktar informazzjoni. Ġiet ukoll ikkumpilata lista komprensiva tal-għaqdiet lokali fis-setturi varji tagħhom.
L-inizjattiva Noffri.com tnediet f’Ottubru mill-Uffiċċju tal-President b’kollaborazzjoni ma’ Citadel Insurance, iSupport Ltd u l-programm Xarabank.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ grupp ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet li ġew identifikati minn dawk li offrew il-ħin tagħhom f’Xarabank f’Ottubru.
Il-President qalet lil dawk preżenti li permezz ta’ din l-inizjattiva “irridu nkunu katalisti biex il-komunità tagħna tifhem aktar x’inhi l-ġenerożità: li ma tfissirx biss li tagħti l-flus”. Spjegat li meta persuna tagħti ħinha, tkun qed tagħti xi ħaġa lura lill-komunità u b’hekk jinħolqu komunitajiet aktar armonjużi.
L-Uffiċċju tal-President qal ukoll li dawk l-għaqdiet fi bżonn ta’ għajnuna volontarja minn dan il-bank tas-sigħat, jistgħu jagħmlu kuntatt fuq 21 255 255, għal aktar informazzjoni.
//= $special ?>

