Ambjent Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Il-Bord tal-MEPA jivvota kontra l-bini ta’ ħajt li jagħlaq il-Belveder tan-Nadur

Il-Bord tal-MEPA llum waranofsinhar ma aċċettax il-bini ta’ ħajt li kien se jagħlaq għal kollox il-veduti sbieħ tal-Belveder tan-Nadur.

F’laqgħa, li bdiet għall-ħabta tas-2pm, il-Bord ivvota 7-6 kontra l-bini tal-ħajt. Fost dawk li vvutaw biex il-Belveder jibqa’ jiġi gawdut minn kulħadd kien hemm id-Deputat Ryan Callus, li jirrappreżenta lill-Oppożizzjoni fuq dan il-Bord.

Id-deċiżjoni dwar il-Belveder, fi Triq Cocco Palmieri, ittieħdet illum wara li diġà kienet posposta darbtejn. L-applikazzjoni għall-ħajt saret minn sidien ta’ għelieqi li jinsabu taħt il-Belveder, li riedu jibnu l-ħajt biex il-pubbliku ma jħarisx fuqhom.

Fost dawk li għamlu pressjoni biex il-ħajt ma jittellax, u allura l-Belveder jibqa’ jiġi gawdut minn kulħadd, kien hemm għadd ta’ residenti u anke l-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Il-laqgħa tal-lum kienet karatterizzata minn diversi battibekki bejn rappreżentanti tas-sidien tal-għelieqi u dawk li kienu kontra l-proġett, fosthom ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u s-Sindku tan-Nadur Edward Said.