“Jekk ma napprezzawx il-kultura tagħna, ma napprezzawx l-identita’ ta’ pajjiżna.”
Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt li kien qed iniedi edizzjoni oħra tal-inizjattiva perspettivi, li fuq idea tiegħu stess qed tagħti l-opportunita’ lill-artisti lokali biex jesebixxu l-arti tagħhom fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament jew inkella fid-Dar Ċentrali.
Din id-darba kien imiss lill-artist Għawdxi George Apap u dak Malti John Martin Borg, it-tnejn jaħdmu bil-watercolours.
Ix-xogħlijiet tal-artist John Martin Borg, esebiti fl-uffiċċji tal-Kap tal-Oppożizzjoni, huma riflessjoni tal-imħabba li għandu lejn il-baħar u l-pajsaġġ Malti u filfatt qed jesebixxi pittura dwar il-baħar f’Ta’ Xbiex u oħra dwar il-Port il-Kbir.
Minn naħa l-oħra l-pitturi ta’ George Apap jirriflettu l-imħabba li għandu lejn il-Belt Valletta matul is-seklu li għadda. Minkejja li wħud mill-pajsaġġi ntilfu jew inbidlu, hu jġibhom lura għall-ħajja u jinkludi t-tradizzjonijiet, fost l-oħrajn it-terramaxka u l-vjatku.
L-inizjattiva perspettivi qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni AŻAD.
//= $special ?>