Kunsilli Lokali Lokali

Il-PL ikeċċi Viċi Sindku għax jinsab il-Qorti dwar allegat theddid u li ta fastidju lill-eks sieħba

Il-Viċi Sindku tax-Xgħajra Neil Attard tkeċċa mill-Partit Laburista wara li baqa’ ma riedx jippreżenta r-riżenja tiegħu meta qed jiġi akkużat li allegatament hedded u ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu.

Rapporti li dehru fil-media fil-ġimgħat li għaddew qalu li Attard kellu pressjoni mit-tmexxija tal-Partit Laburista biex jirriżenja mill-kariga minħabba “imġieba mhux aċċettabbli”. Minħabba li l-Viċi Sindku ma rriżenjax minn jeddu, The Times of Malta rrapporta li Attard tkeċċa fuq bażi ta’ dixxiplina.

Ħafna kkummentaw li din il-pożizzjoni tal-Partit Laburista u tad-Deputat Mexxej Toni Abela tistona mal-mod kif il-partit jimxi ma’ persuni differenti dwar akkużi li jixbhu lil xulxin. Fuq il-media soċjali, iddomina x-xebħ bejn dan il-każ u dak ta’ Cyrus Engerer, li nstab ħati mill-Qorti li bagħat ritratti indiċenti tal-eks sieħeb tiegħu lil persuni li jaħdmu mal-eks sieħeb stess.

Madankollu, u minkejja li Engerer instab ħati mill-Qorti, hu kien inkurunat Suldat tal-Azzar mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt attività pubblika. Min-naħa l-oħra, minkejja li l-każ tal-Viċi Sindku tax-Xgħajra għadu għaddej fil-Qorti, il-Partit Laburista ħass li kellu jkeċċieħ immedjatament.

Mistoqsi minn The Times biex jikkummenta dwar id-deċiżjoni tal-Partit Laburista, Neil Attard għażel li ma jweġibx. Barra minhekk, s’issa għadu ma ppreżenta l-ebda riżenja mill-Kunsill Lokali, b’indikazzjoni li se jibqa’ jżomm is-siġġu bħala Kunsillier Indipendenti. Anke s-Sindku tal-lokalità, Anthony Valvo, iddefenda l-preżenza ta’ Attard fil-Kunsill.

Mistoqsi, is-Sindku qal li billi Kunsillier jitneħħa minn ma’ partit politiku, ma jfissirx li għandu jitlaq mill-Kunsill. Mistoqsi jekk iħossux komdu jaħdem mal-Viċi Sindku, Valvo wieġeb biss li aktar ma jħossux komdu bl-attenzjoni li tat il-media lill-każ partikolari.

Min-naħa tiegħu, Neil Attard baqa’ sieket. Madankollu, fuq Facebook, fis-sigħat li għaddew reġa’ biddel il-cover photo fil-profil tiegħu għal dak ta’ Viċi Sindku tax-Xgħajra (ritratt isfel). Dan qed jitqies bħala messaġġ sottili li se jibqa’ jżomm is-siġġu tiegħu minkejja t-tkeċċija mill-Partit Laburista. Għal dan ir-ritratt, kienu għexieren dawk li għaddewlu kummenti ta’ kuraġġ.

B’ħafna minn dawk li kkummentaw jidher li għandhom simpatija politika lejn il-Partit Laburista, ma naqsux il-kummenti ta’ “kuraġġ” u “żomm sod”, kif ukoll li “ix-Xgħajra għandha bżonnok”. Fuq kollox, jiddominaw messaġġi li jgħidu lil Neil li hu kapaċi aktar milli jaħsbu kif ukoll li fil-każ tiegħu ntużaw “2 ways 2 measures”.