Wara li fl-aħħar jiem, ħafna semmgħu leħinhom dwar ir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku, l-SDM tistenna li Transport Malta terġa tirranġa s-servizz għal dak li kien qabel l-20 ta’ Dicembru 2015.
L-SDM tinnota b’dispjaċir li fi stqarrija riċenti ta’ Transport Malta, l-uffiċjali qalu li s-servizz mar għall-aħjar.
Jidher li Transport Malta mhix qed tħoss il-polz tal-istudent wara li l-pubbliku semma’ leħnu u issa anke saħansitra qed iddur petizzjoni onlajn biex jerġgħu jiddaħħlu r-rotot antiki.
Filwaqt li hemm qbil dwar ir-rotta X1 li għandha terġa tiġi kif kienet qabel, l-SDM tinnota wkoll li diversi rotot oħrajn lejn l-Universita, tneħħew, inbidlu jew il-frekwenza tagħhom naqset.
“Kif diġa nnutajna fi stqarrija preċedenti, napprezzaw il-fatt li żdiedu r-rotot lejn il-viċinanzi tal-Junior College. Nemmnu li għandhom jerġgħu jiżdiedu r-rotot lejn l-iskola Giovanni Curmi Higher Secondary kif ukoll lejn l-MCAST tan-Naxxar biex l-istudenti jaslu l-iskola fil-ħin.”
Fid-dawl ta’ dan kollu l-SDM tisħaq li l-istudenti m’għandhomx jistennew tliet xhur biex is-servizz jiġi għall-aħjar. L-SDM tħeġġeġ ukoll lill-istudenti biex jiffirmaw il-petizzjoni onlajn https://www.change.org/p/ministry-of-transport-malta-remove-or-improve-new-bus-routes-in-malta-and-gozo għaliex “nemmnu li flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza.”
//= $special ?>