Futbol Sport

Leicester City jilħqu lil Arsenal f’ras il-klassifika tal-Premiership

Leicester City laħqu lil Arsenal f’ras il-klassifika tal-Premiership meta rebħu 1-0 barra minn darhom kontra Tottenham filwaqt li Arsenal ġew draw 3-3 kontra Liverpool.

F’logħba ferm eċċitanti kienu Liverpool li marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ FIRMINO imma ftit damu jgawdu dan il-vantaġġ għax RAMSEY ġab id-draw għal Arsenal. Erba’ minuti wara reġa’ kien FIRMINO li għeleb lil Chech b’xutt mill-aqwa minn barra l-kaxxa imma għal darba oħra r-Reds ma iddefendewx il-vantaġġ meta fil-25 minuta ġab id-draw GIROUD. GIROUD reġa’ skurja ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima wara li għamel finta mill-isbaħ biex poġġa lit-tim tiegħu għall-ewwel darba fil-vantaġġ. Hekk kif kollox deher li Arsenal kienu se jirbħu l-konfront Joe ALLEN ġab id-draw fl-aħħar minuta.

L-eqreb rivali tagħhom, Leicester għelbu lil Tottenham 1-0 barra minn darhom. Dan kien it-tieni konfront fi spazju ta’ ftit jiem bejn dawn iż-żewġ timijiet wara li lagħbu nhar il-Ħadd fl-FA Cup meta dakinhar il-logħba ntemmet 2-2. Id-difensur Robert HUTH skurja l-gowl deċiżiv għat-tim ta’ Ranieri sitt minuti mit-tmiem. Chelsea kienu resqin lejn rebħa ta’ 2-1 kontra 2-1 fi Stamford Bridge kontra West Bromwich Albion sakemm dawn tal-aħħar ġabu d-draw b’gowl ta’ James MCLEAN erba’ minuti mit-tmiem. Il-Blues kienu fetħu l-iskor permezz ta’ AZPILICUETA imma GARDER kien pront iġib id-draw 13-il minuta wara. Chelsea kienu reġgħu marru fil-vantaġġ meta kwarta mit-tmiem McAuley tefa l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Manchester City naqqsu milli jżommu l-pass ma’ Leicester wara li ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Everton fl-Etihad Stadium.