Lokali

Muscat għandu jżomm ma’ kliemu stess u jerfa’ r-responsabbilta’ politika

“Ebda pajjiż, poplu, jew politiku li jirrispetta lilu nnifsu ma jista’ jagħlaq għajnejh quddiem il-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali. Min jieħu d-deċiżjonijiet, irid jerfa’ r-responsabbilta’ politika”

Dan hu dak li qal Joseph Muscat fis-27 t’April 2010, dakinhar bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Iżda issa li hu Prim Ministru, minflok jerfa’ r-responsabilta’ qed iħalli kollox għaddej kif spjegat waqt konferenza tal-aħbarijiet mix-Shadow Minister tal-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola u x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli.

Saħansitra r-rapport tal-Awditur Ġenerali li tressaq quddiem il-Parlament ix-xahar li għadda kkundanna l-agir tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat li kien wiegħed ukoll li juża fondi pubbliċi bl-aħjar mod, li jkun l-aktar Gvern trasparenti, accountable u li jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ dak li jagħmel.

Għall-kuntrarju, l-Awditur Ġenerali sab nuqqasijiet kbar fil-konfront tal-Gvern fosthom nuqqas ta’ tmexxija serja u għaqlija, nuqqas ta’ trasparenza, abbuż fin-nefqa tal-Gvern, tmexxija ħażina u abbuż ta’ poter. Instab ukoll hati li ma jħarisx u ma jimxix mar-regoli tas-servizz pubbliku b’mod partikolari l-ingaġġ ta’ impjegati u x-xiri ta’ servizzi u prodotti mill-Gvern.

F’parti biss minn ministeru wiehed tal-Gvern, dak immexxi minn Konrad Mizzi, kuntratt b’direct order lil avukat għal total ta’ €260,494 f’sena waħda biss. Dan hu 40 darba l-minimum wage u d-doppju tal-limitu skont il-Public Procurement Regulations għal Direct Orders.

Ingħatat ukoll direct order għal servizzi legali li kienet ta’ bejn €235 u €900 fis-siegħa waqt li kuntrattur ingħata żieda ta’ kważi €10,000 fuq il-quote tax-xogħol li għamel.

Fl-istess rapport tal-Awditur Ġenerali jissemmew ukoll ħames vjaġġi ‘l barra mill-Ewropa, tnejn minnhom lejn iċ-Ċina, li swew lit-taxpayer Malti €29,000 u li dwarhom m’hemm l-ebda informazzjoni dwarhom u f’żewġ każijiet, lanqas biss ingħatat raġuni ta’ dan is-safar.

Fid-dawl ta’ dan ix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista fakkru li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu tmexxija serja kif qed iwiegħed Simon Busuttil b’numru ta’ proposti fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’.

Fost l-oħrajn, spjegat Roberta Metsola, bi Gvern Nazzjonalista ġdid, jiġi assigurat li jkunu żgurati li l-livelli għoljin ta’ gvernar tajjeb ikollhom għeruq sodi biżżejjed biex gvernijiet tal-futur ma jerġgħux iniżżlu dawn il-livelli fil-baxx u li l-pubbliku jkun infurmat fuq id-deċiżjonijiet kollha tal-Gvern li jaffetwaw l-użu ta’ fondi pubbliċi u proprjeta’ pubblika.

Dan minbarra proposti oħra dwar l-użu ta’ flus il-poplu u tal-proprjeta’ pubblika, li fost l-oħrajn, bl-iswed fuq l-abjad, qed jingħad li Gvern Nazzjonalista ġdid, minbarra li jirrevedi l-proċeduri għall-kuntratti pubblċi biex tiġi żgurata ekonomija akbar, effiċjenza, effettivita’ u osservanza tar-regoli fl-użu ta’ fondi pubbliċi, jagħti aktar saħħa lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fl-investigazzjoni tiegħu dwar l-użu tal-fondi pubbliċi.