Ftit jiem wara li rebaħ, għall-ħames darba fil-karriera tiegħu, il-Ballun tad-Deheb, l-attakkant ta’ Barcelona Lionel Messi stqarr li jippreferi li kieku rebaħ it-Tazza tad-Dinja mal-Arġentina minflok dawn l-unuri prestiġjużi. Nhar it-Tnejn li għadda Messi rebaħ il-Ballun ta-Deheb hekk kif ġab 41.33% tal-voti biex għeleb l-isfida tar-rivali tiegħu, il-winger Portugiż ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo li ġab 27.76%. Fit-tielet post spiċċa l-attakkant Brażiljan ta’ Barcelona Neymar b’7.86% tal-voti.
Matul l-2015 Messi lagħab 61 partita, skurja 52 u ipprovda 26 assist. Dan ifisser li Messi kelu medja ta’ gowl kull 100 minuta u ta min jiftakar li l-attakkant Arġentin dam madwar tmien ġimgħat barra minħabba injury li sofra fil-bidu ta’ dan l-istaġun.
“Jien minn dejjem kont persuna li nippreferi s-suċċessi tat-tim tiegħi aktar milli suċċessi individwali. It-Tazza tad-Dinja hi l-aktar kompetizzjoni importanti u nippreferi kieku rbaħt lilha minfok,” qal Messi. Ta min jiftakar li sentejn ilu Messi kien ferm viċin li jirbaħ it-Tazza tad-Dinja ma’ pajjiżu meta fil-finali tal-edizzjoni li kienet saret fil-Brażil, l-Arġentina kienet tilfet fil-ħin barrani kontra l-Ġermanja li rebħu l-konfront 1-0.
Bla dubju issa Messi se jkun qed jittama li jipprova jirbaħ dan l-unur sentejn oħra, dejjem jekk l-Arġentina tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja li ser issir fir-Russja.
“Hu ferm speċjali għalija li irbaħt dan l-unur wara li f’dawn l-aħħar sentejn kelli nara lil Ronaldo jirbħu. Qatt ma ħlomt li xi darba se nirbaħ dan l-unur aħseb u ara għal ħames darbiet. Mingħajr dubju dan is-suċċess personali ma setax ikun possibbli li kieku mhux għall-għajnuna ta’ sħabi l-plejers kemm ta’ Barcelona kif ukoll tal-Arġentina. Barra minn hekk se nibqa’ grat ukoll lill-isport tal-futbol li tant tani emozzjonijiet sbieħ f’ħajti,” kompla jgħid Messi.
Rigward ir-rivalità ma’ Ronaldo Messi ċaħad li hemm xi għira bejniethom. “Jien persuna differenti minnu u hu differenti minni. Bla dubju hu plejer mill-aqwa bi kwalitajiet li kulħadd jixtieq ikollu,” qal il-plejer ta’ Barcelona. Dan tal-aħħar tkellem ukoll dwar Neymar li kklasifika fit-tielet post fil-votazzjoni finali tal-Ballon d’Or.
“Ma narax lil Neymar bħala s-suċċessur tiegħi għax nemmen li hu se jagħmel isem għalih innifsu. Għandu l-possibiltà li jilħaq l-ogħla livell. Minbarra li hu plejer mill-aqwa huwa bniedem umli wkoll,” qal Messi dwar l-attakkant Brażiljan.
Mistoqsi biex jidentifika mument partikolari mis-sena li għaddiet Messi ma seta’ jsemmi l-ebda mument u qal li l-2015 kienet sena mill-aqwa fejn fiha t-tim tiegħu rebaħ divesi unuri. “Ninsab kburi li fuq livell ta’ klabb irbaħt kull unur li wieħed jista’ jirbaħ. Hu dejjem diffiċli li tibqa’ tirbaħ meta tkun diġa’ doqt is-suċċess imma s-sigriet hu li dejjem tibqa’ għatxan għar-rebħ.”
F’sena mimlija suċċessi fejn bla dubju jispikka t-‘Treble’ li rebħu Barcelona, l-uniku dispjaċir ta’ Messi hu t-telfa li sofrew l-Arġentina fil-finali tal-Copa America kontra ċ-Ċili. Għat-tieni sena konsekuttiva l-Arġentina naqqsu milli jirbħu trofew maġġuri proprju meta fallew fl-aħħar pass.
//= $special ?>