Il-film ġdid The Revenant, li għandu lill-attur Leonardo DiCaprio bħala protagonista, jinsab l-ewwel fit-tellieqa għall-Academy Awards (Oscars) ta’ din is-sena bi tnax-il nominazzjoni. Warajh, b’għaxar nominazzjonijiet, hemm Fury Road, li hi l-aħħar produzzjoni fil-famuża sensiela ta’ films bit-tema Mad Max.
The Revenant u (Mad Max:) Fury Road huma nnominati fil-kategorija għall-Aqwa Film, bil-kompetituri l-oħra jkunu The Big Short, Bridge of Spies, Brooklyn, The Martian, Room u Spotlight.
Intant, DiCaprio se jkun qed jikkompeti mal-attur Eddie Redmayne (ir-rebbieħ tas-sena l-oħra) fil-kategorija għall-Aħjar Attur, b’Redmayne, din id-darba jkun innominat għar-rwol tiegħu f’The Danish Girl. Tul is-snin, DiCaprio kien innominat erba’ darbiet għal din il-kategorija partikolari iżda qatt ma rebaħ l-Oscar prestiġjuż.
Innominati għall-Aħjar Attur (2016) hemm anki Michael Fassbender għall-film Steve Jobs; Matt Damon għal The Martian u Bryan Cranston għall-film Trumbo (fejn jinterpreta l-ħajja ta’ Dalton Trumbo, wieħed mill-aqwa screenwriters ta’ Hollywood).
Sadanittant, hemm sfida qawwija fil-kategorija għall-Aqwa Attriċi bejn Charlotte Rampling (għall-film 45 Years); Cate Blanchett (Carol); Brie Larson (Room); Jennifer Lawrence (Joy) u Saoirse Ronan (Brooklyn).
It-88 edizzjoni tal-Oscars issir fid-Dolby Theatre ta’ Hollywood (f’Los Angeles) fit-28 ta’ Frar, u se tkun ippreżentata mill-attur komiku Amerikan, Chris Rock.
//= $special ?>