L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat it-tmiem tal-epidemija tal-Ebola fil-Liberja. L-aħbar qed titqies, effettivament, bħala l-għeluq tal-agħar inċidenza tal-virus fid-dinja, iżda xorta għadhom fis-seħħ it-twissijiet għall-ġejjieni.
It-tmiem tat-trasmissjoni attiva tal-virus tħabbar wara li għaddew 42 jum mingħajr rapporti ta’ każi ġodda tal-Ebola fil-Liberja. Proprju s-sena l-oħra, il-Guinea u Sierra Leone ukoll kienu ddikjarati ħielsa mill-Ebola u ngħataw l-istatus ta’ Ebola-free.
Madankollu, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ma teskludix li ’l quddiem ifeġġu mill-ġdid inċidenzi ta’ dan il-virus fir-reġjuni Afrikani tal-Punent. Dan wara li mietu ’l fuq minn 11,000 persuna bl-Ebola minn Diċembru tal-2013 sallum.
Il-WHO ħarġet stqarrija li ‘l-imkejjen u s-sorsi kollha tat-trasmissjoni fil-Punent tal-Afrika, issa jinsabu taħt kontroll’. L-istqarrija segwiet il-proċeduri kollha dovuti fit-tliet pajjiżi partikolari, iżda filwaqt li l-aħbar intlaqgħet b’sodisfazzjon kbir, il-Liberja, Sierra Leone u l-Guinea jridu jistinkaw ħafna biex jirkupraw mill-effetti li ħalliet l-Ebola.
L-epidemija qattiela affettwat kważi kull settur f’dawk it-tliet pajjiżi, fejn, fost oħrajn, inkixfu n-nuqqasijiet fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati rispettivi li kkrollaw taħt il-pressjoni.
//= $special ?>