BLOGS

Tista’ ma taqbilx magħna …

Ħafna jiftakru din il-frażi li kkaratterizzat il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Vera li wżajt din il-frażi f’diversi artikli li ktibt, iżda dan għaliex iktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar l-għaġir tal-Gvern iġiegħlni naħseb f’din il-frażi. Għaliex iktar ma nara minn dan l-għaġir, iktar nirrealizza kemm din il-frażi ma kienet xejn ħlief xena u teatrin.

Xena u teatrin bħalma rajna fil-famuż filmat ta’ awgurju tal-Prim Ministru li b’qerq sfrenat, ipprova jagħti x’jifhem li f’Malta kollox miexi fuq ir-rubini. Jista’ jkun għandu raġun, għaliex għalih u għal ta’ madwaru kollox miexi ħarir, il-flus fil-but qed jiżdiedu u x-xogħol qed jitkattar. Il-problema li dawn l-elementi japplikaw biss għan-nies tal-qalba u mhux għal kulħadd kif ipprova jagħti x’jifhem il-Prim Ministru f’dan il-famuż filmat tal-ewwel tas-sena.

Tista’ ma taqbilx magħna … imma jekk ma taqbilx magħna ngħajruk. Hekk rajna din il-ġimgħa fil-każ tal-Arċisqof Scicluna, li għal kumment li għadda, l-konsulent tal-Prim Ministru, is-Sur Glenn Bedingfield irrisponda b’kumment dispreġġjattiv fuq il-midja soċjali. Kumment li ma jagħtix denn lil min għamlu, u wisq iktar lil min iħaddmu. Ħasra li flus il-poplu qed imorru biex jitħallsu nies bħas-Sur Bedingfield li jqatta’ l-ħin tiegħu jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu minflok għal ġid tal-poplu u tal-pajjiż.

Bid-dgħajsa flok b’tal-linja
Mhux qed nirreferi għal meta tagħmel ħalba xita u jgħerqu t-toroq ta’ Malta – inkluża dik li l-Gvern iddeskriva bħala l-‘aqwa triq f’Malta’ ossija Triq il-Kosta. Qed nirreferi għat-trasport pubbliku u t-tibdil fir-rotot li saru riċentement. Ġejjin bid-dgħajsa għaliex skontTransport Malta, in-nies qed jinqdew aħjar b’dawn ir-rotot.

Dawn ir-rotot bdew joperaw waqt il-perijodu tal-Milied, meta inqas nies jużaw it-trasport pubbliku – idea tajba, iżda ma tistax tgħid li n-nies qed jinqdew aħjar jekk rajtu jopera biss meta d-domanda hi baxxa.

Ma nimmaġinax ukoll li qabel saret din id-dikjarazzjoni, saru xi studji elaborati għaliex il-kelma hemm barra hi li dawn ir-rotot għamlu l-ħajja ta’ dawk li jużaw it-trasport pubbliku iktar diffiċli. Anke f’rotot essenzjali, hemm ċertu każi li filwaqt li qabel kienet tgħaddi karozza kull nofs siegħa, issa qed tgħaddi kull siegħa filwaqt li f’każi oħra, biex jinqdew iktar fil-ħin, in-nies qed ikollhom jużaw bus stops iktar’il bogħod mid-dar tagħhom li jfisser iktar problemi speċjalment għall-anzjani jew persuni bi bżonnijiet speċjali.

Malta fl-Ewropa
Tajjeb li nsemmu li bħalissa, grupp ta’ atleti Maltin qed jirrappreżentawna fil-kampjonati Ewropej tal-Waterpolo. Fil-fatt, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, it-team Malti tal-Waterpolo kkwalifika għall-Kampjonati Ewropej u qed iħabbatha mal-aqwa timijiet fid-dinja.

Sport li qed ikabbar isem pajjiżna u li jistħoqlu ferm aktar rikonoxximent kemm tal-pubbliku kif ukoll, b’mod speċjali, tal-awtoritajiet u l-Gvern ċentrali, biex ikompli jitkattar il-frott u pajjiżna jkompli jikber anke f’dan il-qasam.

Filwaqt li għandna verament nirringrazzjaw lil dan il-grupp ddedikat ta’ atleti u staff, li qed jagħmel minn kollox biex iġibilna unur, għandna nawguralhom suċċess f’din l-avventura lil hinn minn xtutna.