Lokali

Żgass u serqa mill-kumpless tal-futbol ta’ Żabbar St. Patrick

Persuna jew persuni mhux magħrufa matul il-lejl li għadda serqu laptop u wettqu ħsara fil-kumpless tal-futbol ta’ Żabbar St. Patrick f’Ħaż-Żabbar, qrib Bieb is-Sultan.

Jidher li min wettaq dan l-att l-ewwel kisser katnazz ta’ bieb żgħir li jinsab ħdejn l-entratura prinċipali għall-kumpless. Minn hemm il-persuna jew persuni mxew lejn il-kamra tal-kumitat u llevaw tieqa tal-ħadid biex setgħu jidħlu minnha.

Fuq ġewwa tal-kamra tal-kumitat huma qallbu kollox u saħansitra firxu ammont ta’ ċwievet li sabu f’vażun iżda li madankollu dawn huma antiki u ma jintużawx.

Jidher li l-persuni nvoluti kienu qed ifittxu xi flus hekk kif f’din il-kamra neħħew biċċa drapp bl-arma tal-klabb, allegatament għax warajha ħasbu li hemm xi safe.

Minn hawn huma mxew lejn il-kamra tan-nursery fejn komplew iqallbu, jiftħu l-kxaxen u ferrxu mal-art ammont ta’ dokumenti. Il-bieb ta’ barra ta’ din il-kamra ma jidhirx li ġie żgassat iżda fuq ġewwa nqala’ mill-ħajt bieb ieħor.

Minbarra l-ħsara li saret, mill-kumpless insteraq ukoll laptop. Il-każ seħħ wara l-ħdax tal-lejl li għadda hekk kif kien dan il-ħin li l-amministraturi ħallew il-kumpless wara logħba futbol fil-grawnd tal-istess post.

Dwar dan il-każ ġiet infurmata l-Pulizija u għaddejja nvestigazzjoni anke’ mill-esperti tal-forensika. Ġiet infurmata wkoll l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA.

DSC_2442