Flimkien għal Ambjent Aħjar laqgħet id-dikjarazzjoni li l-proġett ta’ Mistra Towers mhux se jsir minkejja li dan l-iżvilupp fuq diversi sulari kien ġie approvat mill-MEPA.
FAA qalet li r-raġun li ngħatat, dik li f’Malta hawn iżżejjed żvilupp li għaddej bħalissa, hi l-istess raġuni li kienet ingħatat fir-Rapport Ali, ikkummissjonat mill-MEPA stess, li kien ta l-parir li f’Malta ma jiġix ikkunsidrat bini għoli minħabba s-sitwazzjoni tal-propjetà. Dakinhar il-MEPA kienet qalet li f’Malta kienu għaddejjin biżżejjed proġetti ta’ żvilupp li kellhom jissodisfaw id-domanda eżistenti.
FAA nsistiet li l-MEPA qatt ma kellha toħroġ il-permess għall-proġett tal-Mistra Towers, b’750 appartament u ħwienet kummerċjali. Qalet li dan l-iżvilupp jikser policies tal-MEPA stess dwar bini f’irdumijiet, ifisser iktar appartamenti f’żona ta’ Malta diġà mimlija b’appartamenti vojta, u jżid il-problema tat-traffiku fl-inħawi.
FAA fakkret li biex inħoloq il-Mistra Village kien inqered kwantità ta’ wirt arkeoloġiku Puniku u Ruman. Qalet li anke l-istess raħal, li kien jgħaqqad l-arkitettura tipika Maltija mal-inġinerija, inqered u appellat biex l-awtoritajiet japprezzaw il-wirt storiku f’dawn l-inħawi u jibdluhom f’park arkeoloġiku li joħloq ix-xogħol u jżid attrazzjoni turistika.
//= $special ?>

