Lokali

FILMAT: Glenn Bedingfield isostni li r-rwol ta’ konsulent politiku hu dak li jikkummenta b’mod partiġġjan

Għall-Konsulent tal-Prim Ministru impjegat f’Kastilja, Glenn Bedinfield, il-kariga ta’ Konsulent Politiku ittih id-dritt, jekk mhux l-obbligu, li jikkummenta politikament u b’mod partiġġjan dwar kwistjonijiet u suġġetti politiċi. Bedingfield esprima din il-pożizzjoni meta kien qed jipparteċipa fil-programm “Mhux għax Jimpurtani” fuq NET Television.

Il-kontroversja madwar Glenn Bedinfield inqalghet wara li hu kkummenta b’mod insolenti fil-konfront tal-Arċisqof Mons Charles Scicluna, li f’intervista għadda battuta dwar il-messaġġ kontroversjali tal-Ewwel tas-Sena mill-Prim Ministru fi kċina. Għal din il-battuta, Glenn Bedingfield insulta lill-Arċiqsof u wieġeb li għall-anqas il-Prim Ministru ma daħalx fil-kamra tas-sodda tat-tfal.

Dan il-kumment ġab reazzjoni fl-opinjoni pubblika, għalkemm Glenn Bedingfield mhux ċert jekk dan hux parti mix-xogħol tiegħu. Imħallas minn flus il-poplu, il-Konsulent tal-Prim Ministru ma jara xejn ħażin f’dan il-kumment, fir-rwol politiku partiġġjan tiegħu.

Quddiem il-kritika fl-opinjoni pubblika, il-Konsulent tal-Prim Ministru baqa’ jsostni li ma għamel xejn ħażin, tant li għandu d-dritt jikteb dawk it-tip ta’ ‘posts’ fuq il-media soċjali.