Il-Prosekutur ta’ Pariġi qed jinvestiga każ fejn raġel ġie ddikjarat brain-dead (wara li kien spiċċa f’koma) u wara li hu kien involut fi provi kliniċi għal mediċina ġdida. Ħames persuni oħra jinsabu l-isptar wara li kienu suġġetti għall-istess provi u fejn jinsabu f’kundizzjoni newroloġika kritika.
Il-provi inkwistjoni kienu mmexxija minn laboratorju privat fil-belt ta’ Rennes, b’dan tikkonfermah il-Ministru tas-Saħħa Franċiż, Marisol Touraine.
Intant, dawn il-provi ġew sospiżi u l-kumpannija responsabbli – il-Biotrial, li hi bbażata fi Franza – waqqfet il-voluntiera milli jkomplu jagħtu l-kontribut tagħhom. Il-mediċina sperimentai kienet amministrata lil 90 persuna waqt il-provi kliniċi. Intant, il-kumpannija Biotrial tgawdi reputazzjoni internazzjonali u ilha mill-1989 tmexxi l-provi tipiċi.
L-istampa Franċiża qalet li l-Ministeru tas-Saħħa ċaħad li l-mediċina ġdida li għaddejja mill-provi hi painkiller li jibbaża fuq il-kannabis. Kelliema għall-Ministeru spjegaw li l-mediċina ‘kienet amministrata f’laboratorju b’liċenzja valida’ u l-Ministru Touraine, issa, impenjat ruħha biex issir taf il-kaġun eżatt tat-traġedja.
Mifhum li l-ewwel nies li mardu wara li kienu suġġetti għall-provi ttieħdu l-isptar din il-ġimgħa. Il-proċess inkwistjoni kien jinvolvi prova klinika tal-Ewwel Fażi fejn voluntiera b’saħħithom jingħataw il-mediċina biex l-awtoritajiet ikkonċernati jevalwaw kemm din hi effettiva u valida biex tintuża għal trattament fuq bażi ġenerali.
L-Ewwel Fażi tal-proċess tinvolvi ruħha, b’mod partikolari, ‘bis-sigurtà tal-individwu’. F’dawn il-każi, ammont żgħir ta’ nies –kultant b’saħħithom u kultant b’kundizzjoni medika – jingħataw doża żgħira tal-mediċina taħt superviżjoni stretta. L-iskop ta’ dan mhux biex l-analisti jaraw jekk il-mediċina taħdimx iżda biex huma jsiru jafu jekk jirriżultawx xi forma ta’ side-effects fil-voluntiera.
Isiru kull sena provi kliniċi bħal dawn madwar id-dinja u li fihom jipparteċipaw eluf ta’ nies. Intant, dan it-tip ta’ inċidenti huma kkunsidrati bħala rari għall-aħħar.
//= $special ?>