Il-Pulizija qed jinvestigaw l-attakki terroristici li sehhew nhar il-Ħamis f’Jakarta, il-kapitali tal-Indoneżja, u rnexxielhom jidentifikaw erba’ fost il-ħames aggressuri responsabbli. Sadanittant, żdiedet is-sigurtà madwar siti importanti fil-kapitali li jistgħu jisfaw mira tat-terroriżmu.
Tnejn mit-terroristi tal-Ħamis issemmew bħala militanti li, fil-passat, kienu spiċċaw ikkundannati mill-qrati. Intant, l-awtoritajiet Indoneżjani qegħdin ifittxu għal entitajiet ta’ terroristi li setgħu kienu l-ixprun wara l-aħħar terrur li sewa l-ħajja ta’ zewg civili.
Il-ħames terroristi responsabbli mill-attakk tal-Ħamis kollha nqatlu mill-qawwiet tas-sigurtà Indoneżjani. Il-grupp ISIS assuma responsabbiltà għad-dmija, bl-uffiċjali jaqblu li t-terroristi riedu jirrepetu l-istraġi ta’ Novembru li għadda meta ġellieda tal-ISIS kienu massakraw għexieren ta’ nies f’Pariġi, il-kapitali ta’ Franza.
L-aħħar rapporti minn Jakarta qalu li l-pulizija wettqu numru ta’ arresti iżda ma kienx ikkonfermat hekk il-persuni miżuma kenux konnessi tassew mat-terrur tal-Ħamis.
Il-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà Indoneżjani, waqt l-attakk damu s-sigħat jikkumbattu lit-terroristi f’distrett kummerċjali attiv ta’ Jakarta. Tnejn mit-terroristi mietu fi splużjoni suwiċida waqt li t-tlieta l-oħra inqatlu fi sparaturi mal-pulizija.
Kelliema għall-Pulizija qalu li n-nies li organizzaw l-azzjonijiet qattiela fil-kapitali kienu assoċjati mal-ISIS. Jingħad li raġel Indoneżjan li kien identifikat u li qed jiġġieled ‘mal-ISIS’ fis-Sirja għandu ‘l-viżjoni’ li jgħaqqad diversi gruppi li jappoġġjaw lil dan il-grupp terroristiku u li jinsabu fid-diversi zoni lejn ix-Xlokk tal-Asja.
Filwaqt li l-ħajja, ftit jew wisq, irritornat għan-normal f’Jakarta, l-awtoritajiet qed jammettu li ‘l-affarijiet għandhom jinbidlu’ għal dan il-pajjiż wara l-aħħar straġi, bin-nies ikunu aktar konxji minn qabel mit-theddida ta’ attakki ġodda potenzjali.
//= $special ?>