Lokali

Il-ħaddiema tas-Segretarjat ta’ Manwel Mallia għadhom jitħallsu minn fondi pubbliċi

Il-ġurnal The Times żvela li d-19-il ħaddiem li kienu jaħdmu fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru ta’ Manwel Mallia għadhom sal-lum jitħallsu minn fondi pubbliċi minkejja li Manwel Mallia ilu iktar minn sena li tkeċċa mir-rwol tiegħu wara l-kontroversja dwar ix-xufier tiegħu.

The Times qal li l-ħaddiema kollha, inkluż dawk li kienu ġejjin minn barra s-servizz pubbliku, ingħataw xogħol alternattiv.

Skont ir-regoli taċ-ċivil, maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Marzu tal-2013, il-membri ta’ Segretarjati Privati ta’ Ministeri li ma jkunux ġejjin mis-servizz pubbliku m’għandhomx jibqgħu jservu fi ħdan il-Gvern meta l-Ministru tagħhom ma jibqax Ministru. Ir-regoli, li huma parti mill-kodiċi ġdid ta’ etika għall-membri tal-Kabinett, jgħidu li dawk impjegati minn barra s-servizz pubbliku għandhom saħanistra jirriżenjaw meta l-Ministru tagħhom ma jibqax parti mill-Gvern u għandhom jingħataw massimu ta’ sitt xhur paga bħala benefiċċju ta’ tmiem ix-xogħol.

It-Times kompla li Silvio Scerri, dak li kien iċ-Chief of Staff ta’ Manwel Mallia, issa hu impjegat fis-Segretarjat Privat tal-Ministru tal-Intern Carmelo Abela u qed jaħdem xogħol speċifiku f’Għawdex.

Dak li kien is-Segretarju Privat ta’ Manwel Mallia, Quinton Scerri, qed jaħdem fil-PBS u dik li kienet Communications Coordinator, Ramona Attard, għandha kuntratt ta’ konsulenza mal-uffiċċju ta’ komunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

It-Times isemmi wkoll lill-eks-futboler Joe Galea li kien jaħdem bħala xufier ma’ Manwel Mallia u kien kollaboratur mill-qrib tiegħu. Anke Galea nżamm, skont it-Times u issa qed jaħdem bħala xufier tal-ambulanzi b’pożizzjoni fuq bażi ta’ fiduċja.