F’diskussjoni li saret matul is-sessjoni tal-lum, kien enfasizzat li l-politiċi jkunu ċari u sodi fil-pożizzjoni tagħhom billi ma jibgħux vittmi tar-rikatt tal-vot.
F’diskussjoni mmexxija minn Sergio Mallia, Jurgen Balzan, Deputat Editur ta’ Malta Today; Antoine Vella, Lecturer dwar ix-xjenza ambjentali, u David Lindsay, Editur ta’ The Independent on Sunday, esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar diversi aspetti rigward l-ambjent f’pajjiżna u l-passi ’l quddiem biex dan jiġi mħares.
Jurgen Balzan qal li s-sena li għaddiet kienet sena li fiha tqanqlet ħafna l-kuxjenza ambjentali. Dan ġej mill-fatt ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-politiċi. Ħafna drabi l-ambjent jintefa’ mill-politiċi ġo kaxxa kif jitfgħu suġġetti oħra bħall-ekonomija, mingħajr ma jagħtu l-importanza li l-ambjent hu dak kollu li jeffettwa l-għajxien madwarna.
Antoine Vella qal li ħafna jħarsu lejn l-ambjent bħala xi ħaġa li għandu jagħmel ħaddieħor. Hu importanti li kulħadd jagħti s-sehem tiegħu u anki jkun parti minn għaqdiet ambjentali.
Jurgen Balzan qal li llum għadhom jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-ħażin li sar fis-snin l-imgħoddija. Kulma nbidel huma l-uċuħ tal-politiċi. Hu awgura li mill-kliem pajjiżna jgħaddi għall-fatti.
Antoine Vella qal li llum l-għaqdiet ambjentali saru aktar organizzati. Għad hawn mentalità ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-voti. Is-sitwazzjoni tinbidel meta jkun hawn partit li lest jieħu deċiżjonijiet importanti anki jekk jipperikola t-telf tal-voti.
Jurgen Balzan qal li partit mill-Oppożizzjoni jista’ jagħmel ħafna wegħdiet iżda mbagħad meta jiġi għad-deċiżjonijiet fil-gvern isib ruħu f’sitwazzjoni differenti. Li għandu jsir hu li partit jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu ċara biex ladarba jkun fil-gvern ikun ikkommetta ruħu b’mod ċar.
Sergio Mallia staqsa jekk il-poplu hux lest li jappoġġja partit li jikkommetti ruħu dwar il-protezzjoni tal-ambjent jew għadux jippreferi l-politika tal-favuri.
Paul Abela, President tal-GRTU, li kien preżenti fost il-pubbliku, qal li għandu jsir kif kien sar fil-liġi tal-kera meta l-Partit Nazzjonalista kien ħa l-inizjattiva biex iż-żewġ partiti jaslu għal qbil dwar liġi li maż-żmien tkun aċċettata minn kulħadd.
Il-karikaturista Ġorġ Mallia ppreżenta karikatura tas-siġra tal-ħajja li bl-għeruq tagħha qed tkebbeb lid-dinja filwaqt li raġel qed jipprova jaqtagħha b’mannara. L-għeruq qed jinbidlu f’vini li jnixxu d-demm b’tifel u tifla jħarsu lejn din id-dinja bid-dmugħ f’għajnejhom.
Hu spjega li l-bniedem għar-raġunijiet tiegħu qed jipprova jaħsad din is-siġra tal-ħajja u jekk mhux se joqgħod attent se jeqred id-dinja tal-ġenerazzjonijiet futuri.
David Lindsay qal li meta wieħed iħares lejn dak li qed isir f’Malta jistaqsi għaliex spazji abbandunati ma jinbidlux f’zoni ambjentali rikreattiivi u mhux bil-maqlub, jiġifieri li spazji ambjentali qed jispiċċaw jingħataw għall-bini.
Jurgen Balzan qal li t-tendenza tal-Gvern preżenti hi li jdawwar lil pajjiżna f’Singapore ġdid jew Abu Dhabi bi żvilupp sfrenat. Illum il-MEPA qegħda hemm biex taqdi lill-ispekulaturi. Sakemm il-partiti se jibqgħu jibżgħu mit-telf tal-voti s-sitwazzjoni ma tistax titjieb. Il-politika tal-lum hi li biex ikun hemm tkabbir ekonomiku lesti nissagrifikaw l-ambjent biċċa biċċa.
David Lindsay qal li ma jaqbilx li l-iżvilupp ekonomiku u l-ambjent għandhom ikunu kontra xulxin.
Suġġett trattat ukoll kien l-infurzar. Jurgen Balzan qal li ħafna drabi meta ma jitteħdux passi jkun ukoll kwistjoni biex jiġi ffavorit xi ħadd minħabba li jkun qed jgħin lill-partit.
Antoine Vella qal li meta kien hemm il-pjan ta’ struttura kien jiġri li filwaqt li hemm policies dawn ma jiġux attwati. Illum il-ħażin hu li l-policies huma ħżiena. Il-Partit Nazzjonalista għandu mil-lum jagħmilha ċara dwar x’policies lest jadotta biex jirribatti dawk il-policies ħżiena.
Ma għandhiex tkompli l-iskuża li għaliex qabel kien isir mod, dan jiġġustifika dak li jsir illum.
Il-membri tal-panel qablu li għandha tinqata’ linja u l-partiti jkunu ċari billi jikkommettu ruħhom dwar x’passi konkreti lesti jieħdu.
Il-Konvenzjoni tkompli dalgħodu u tintemm għada filgħodu b’diskors tal-għeluq tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
//= $special ?>