Lokali

Il-poplu mħeġġeġ jagħti sehem konkret fil-ħarsien tal-ambjent

Tiftaħ il-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema IdeaAmbjent

L-idea tal-Konvenzjoni organizzata mill-Partit Nazzjonalista bit-tema IdeaAmbjent għandha bħala għan ewlieni li l-poplu jieħu sehem fil-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna billi jipparteċipa f’diskussjonijiet u workshops waqt li jagħmel kritika u suġġerimenti lill-politiċi li għal din l-okkażjoni se jkunu qed jisimgħu.

Hekk qalet illum filgħaxija Simone Vella Lenicker, President tal-Konvenzjoni IdeaAmbjent, fil-ftuħ ta’ din il-Konvenzjoni organizzata mill-Partit Nazzjonalista fil-Lukanda Corinthia f’Ħ’Attard.

Vella Lenicker qalet li dan l-aħħar sar ħafna diskors dwar good governance. Good governance tfisser ukoll li l-poplu jkollu l-opportunità jsemma’ leħnu, b’kull ċittadin jaġixxi b’mod responsabbli u jkollu l-opportunità jieħu sehem fid-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin anki billi jsiru suġġerimenti u kritika.

Hi qalet li importanti li jsiru inizjattivi bħal dan il-Konvenzjoni Ġenerali għax temmen fil-parteċipazzjoni pubblika f’kull livell tal-ħajja Maltija biex kull min irid jagħti sehmu jkun jista’ jagħmel dan b’mod kostruttiv.

L-ambjent jinkludi kull ħaġa fiżika li jista’ jkollha effett fuq il-ħajja. Irridu kull wieħed u waħda minna nagħrfu x’nistgħu nagħmlu biex jinstabu s-soluzzjonijiet li hemm bżonn. Nafu li l-politiċi mhux dejjem jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba. Il-politiċi donnhom tilfu l-kredibbiltà u għalhekk jiġu kritikati għaliex is-soluzzjonijiet li joffru huma għal mument jew biex jakkomodaw lil xi individwi.

L-iżviluppaturi jagħtu l-impressjoni li ż-żewġ partiti qegħdin hemm biex daqqa tixtri mingħand wieħed u daqqa mingħand l-ieħor. Dan hu perikoluż.

Simone Vella Lenicker qalet li l-qasma tal-MEPA kienet deċiżjoni tal-Gvern preżenti u kien hemm kritika għall-mod kif tfasslu l-liġijiet, b’mod partikolari dwar il-poteri ta’ awtorità fuq oħra. Hu ċar li ħafna mill-esponenti huma mħassba dwar dak li ġie approvat mill-Parlament.

Vella Lenicker qalet li l-ħarsien tal-kultura jinkludi wkoll il-ħarsien tal-ambjent. Hi staqsiet jekk dak li qed inwettqu f’pajjiżna jixhedx ħarsien xieraq tal-kultura.

Il-President tal-Konvenzjoni tat ħarsa lejn dak li qed iseħħ fuq livell internazzjonali u staqsiet x’sehem qed tagħti Malta biex il-konvenzjonijiet u l-protokolli internazzjonali jkunu osservati. Fost affarijiet oħra semmiet l-enċiklika tal-Papa dwar l-ambjent li fiha appella għas-sehem tal-popli biex ikun imħares l-ambjent dinji.

Hi awgurat li l-Konvenzjoni tkun waħda ta’ suċċess li fiha l-pubbliku jieħu sehem kemm fid-diskussjonijiet kif ukoll permezz ta’ suġġerimenti li jistgħu jsiru anki billi jintbagħtu emails lil idea@pn.org.mt.