Lokali

Inqas SMSs imma iktar telefonati

Hekk kif qed jiżdied in-numru ta’ dawk abbonati għat-telefonija ċellulari, tant li f’Malta hawn iktar abbonamenti milli hawn popolazzjoni, qed jiżdiedu wkoll il-minuti li dak li jkun jagħmel ta’ telefonati mill-mobile imma qed jonqsu l-SMSs.

Figuri li ppubblikat l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni juru li sal-aħħar ta’ Settembru l-abbonamenti għat-telefonija ċellulari kienu ta’ 567,607 u li saru 5% iktar ta’ telefonati li żdiedu b’9.4% fl-ammont ta’ minuti.

L-awtorità spjegat li mhux biss żdiedu l-ammont ta’ telefonati, b’6.7 miljun, imma wkoll il-ħin li dak li jkun jagħmel fuq il-mobile, li żdiedu bi 17.1 miljun. L-SMSs naqsu b’7.5% jew b’9.5 miljun meta mqabbel mal-istess żmien fl-2014.

Żdiedu b’10% dawk li kellhom kuntratt mal-operatur tas-servizz u naqsu bi 2% dawk li kellhom abbonament li jħallsu minn qabel.

Naqsu wkoll, b’1.5%, l-abbonamenti għal-linja fissa u b’5% jew kważi 2 miljun telefonata u b’4.2% jew kważi 6 miljun minuta inqas.

B’kuntrast, żdiedu l-abbonamenti għall-internet broadband speċjalment fil-kategorija ta’ download speeds ta’ 30Mbps jew ogħla. Dawk f’kategoriji inqas b’saħħithom raw tnaqqis ta’ 7.3%.