Is-sena bdiet bit-tajjeb għal numru ta’ ġokaturi xxurtjati fl-Istati Uniti wara li tħabbru mill-anqas tliet biljetti rebbieħa tal-lotterija kbira magħrufa bħala Powerball Jackpot li għandha premju rekord ta’ 1.6 biljun dollaru.
Il-biljetti rebbieħa għal dan il-Jackpot inbiegħu fl-Istati ta’ Kalifornja, Tennessee u Florida. Qabel kienu saru xejn anqas minn 19 it-tlugħ tal-premju, fejn fl-ebda każ ma nstab biljett bis-sitt numri li kienu jaqblu ma’ dawk rebbieħa.
L-Uffiċjali, fl-aħħar sigħat, kienu qed jistennew biex jaraw jekk jistgħux hemm aktar biljetti rebbieħa, meta l-identità tal-ġokaturi xxurtjati ma kenitx magħrufa. Il-possibbiltà tar-rebħ f’din il-lotterija kienet meqjusa bħala 292.2 miljun għal waħda u r-rebbieħa li se jaqsmu l-premju jistgħu jiġbru flushom f’pagamenti annwali mqassmin fuq 29 sena, inkella jieħdu bejniethom pagament wieħed u immedjat ta’ 930 miljun dollaru.
Intant, il-Gvern ukoll se jkollu sehem minn dan il-premju kbir meta għandu d-dritt li jimponi taxxa federali ta’ madwar 40 fil-mija għar-rebbieħa. Il-ħlas tal-premju hu suġġett ukoll għal taxxi addizzjonali li jistgħu jimponu l-Istati rispettivi tal-ġukaturi.
//= $special ?>