Internazzjonali

Iż-żejt jerġa’ jinżel taħt it-$30

Il-prezz taż-żejt niżel taħt it-$30 il-barmil għat-tieni darba din il-ġimgħa meta l-Iran kapaċi jirritorna bħala esportatur ewlieni ta’ dan ir-riżors.

Hemm tħassib li l-Iran jista’ dalwaqt jibda jesporta ż-żejt mill-ġdid meta l-kwantità fis-suq hi diġà ogħla ħafna mid-domanda u fejn hemm il-ħażniet eżaġerati li jissuperaw il-ħtieġa.

Ir-rapporti qalu li l-prezz tal-Brent crude waqa’ b’aktar minn 4.5 fil-mija għal $29.46. Dan meta l-Iran, x’aktarx li jerġa’ jesporta ż-żejt mill-ġdid dment li l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) tirrapporta li l-Gvern f’Tehran qed jikkoopera mal-miżuri biex irażżan il-programm nukleari tiegħu. Ir-rapport tal-Aġenzija mistenni li joħroġ minn ħin għall-ieħor.

L-Iran għandu r-raba’ l-akbar kwantità ta’ riservi taż-żejt fid-dinja u kwalunkwe esportazzjoni taż-żejt addizzonjali għandha żżid mal-miljun barmil żejt kuljum indikati bħala żejda għall-ħteġiet tal-konsumaturi. Il-kwantità ta’ żejt eżaġerata wasslet biex il-prezz taż-żejt jonqos b’aktar minn 70 fil-mija sa min-nofs l-2014 sallum.