Il-Kunsill Lokali tal-Mosta ngħaqad mal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u ċ-Ċentru LEAP tal-Qawra f’kundanna għall-vandalizmu li sar fil-Ġardina tal-Paċi, li ġiet inawgurata fl-14 ta’ Settembru 2015. Fil-jiem li għaddew, persuna jew persuni mhux magħrufa kissru l-plakka tal-Ġardina tal-Paċi (ritratt fuq), filwaqt li matul il-lejl li għadda serqu is-siġar li ġew imħawla minn grupp ta’ żgħażagħ (ritratt xellug).
Qabel ma sar ir-rinnovar, b’fondi li l-Kunsill Lokali tal-Mosta ġab mill-Ministeru għall-Ambjent, din il-ġardina kienet miżbla. Wara dan il-proċess, il-Kunsill Lokali ħadem maċ-Ċentru LEAP tal-Qawra biex jiġu mħawla 30 siġra taż-żebbuġ. B’din l-inizjattiva, twassal messaġġ pożittiv dwar l-importanza tal-paċi fil-komunità. L-att vandalu li sar jikkuntrasta mal-azzjoni pożittiva li kienet ittieħdet biex isebbħu l-ambjent, filwaqt li jħallu wirt ta’ monument ħaj f’post pubbliku.
Iċ-Ċentru LEAP tal-Qawra u l-Kunsill Lokali tal-Mosta qed jappellaw biex il-persuna jew persuni li serqu dawn is-siġar jirritornawhom il-Kunsill. Appellaw ukoll biex kulmin għandu xi informazzjoni dwar dan l-att vandalu, jagħmel kuntatt mal-Pulizija malajr kemm jista jkun.
//= $special ?>