Internazzjonali

Lejn in-nomina Repubblikana: Trump jisfida lil Cruz dwar il-kandidatura

Il-kandidat Repubblikan Donald Trump uża l-aħħar dibattitu tal-partit tiegħu fl-Istati Uniti biex jattakka lir-rivali,Ted Cruz, dwar il-fatt li hu mwieled il-Kanada. L-avveniment kien l-aħħar wieħed organizzat għall-kandidati tal-Partit Repubblikan li għandhom ambizzjonijiet għall-White House

Trump, li hu l-favorit għan-nomina Repubblikana biex jikkontesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti, sostna li din il-kwistjoni tqajjem dubji dwar kemm Cruz hu eliġibbli għan-nomina. Dan meta l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tgħid biċ-ċar li l-President Amerikan irid ikun ‘ċittadin imwieled fil-pajjiż’.

Intant, Ted Cruz twieled f’Calgary (il-Kanada) u waqt li ommu hi ċittadina Amerikana, missieru kien twieled il-Kuba.

F’dan id-dibattitu, organizzat f’North Charleston, inkwadraw ukoll kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, l-ekonomija u politika barranija. Donald Trump u Ted Cruz, fil-preżent, qegħdin igawdu vantaġġ fuq il-ħames kandidati l-oħra Repubblikani li wkoll kienu preżenti għal dan l-avveniment.

Fl-istess ħin, Trump u Cruz din id-darba ma tilfux opportunità biex jikkritikaw lil xulxin ma’ kull okkażjoni, meta qabel ma kien naqas qatt ir-rispett bejn iż-żewġ kandidati.