Uffiċjali fi Sierra Leone kkonfermaw li raġel miet mill-virus tal-Ebola, bl-aħbar tingħata proprju sigħat wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet ħabbret it-tmiem tal-epidemija tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika.
Sierra Leone kienet iddikjarata ħielsa mill-Ebola fis-7 ta’ Novembru li għadda u r-reġjun kollu ġie stabbilit bħala Ebola-free nhar il-Ħamis meta l-awtoritajiet tas-saħħa internazzjonali taw l-istess ċertifikat lil-Liberja.
Madankollu kelliema għal ċentru li jevalwa l-każi potenzjali tal-Ebola qalu li l-provi li saru fuq raġel li miet fi Sierra Leone ttestjat pożittiv għall-virus. Il-mewta seħħet aktar kmieni din il-ġimgħa u l-pazjent inkwistjoni kien ivvjaġġa minn Kambia (qrib il-Guinea) lejn id-distrett ta’ Tonkolili.
Sadanittant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa baqgħet twissi dwar il-potenzjal li l-Ebola tfeġġ mill-ġdid f’xi zona tal-Afrika anki waqt li, nhar il-Ħamis, iddikjarat il-Liberja ħielsa mill-epidemija.
//= $special ?>