Il-Federazzjoni tal-Futbol fiċ-Ċili ħabbret li d-diskussjonijiet mal-kowċ tat-tim nazzjonali Jorge Sampaoli irriżultaw fin-negattiv u b’hekk dan mhux se jibqa’ jmexxi lit-tim. Fis-sajf tal-2015 Sampaoli mexxa lit-tim għar-rebħ tal-Copa America imma minn dakinhar ‘l hawn ir-relazzjoni tiegħu mal-Federazzjoni marret lura għax hu ħass li mhux qed ikun apprezzat u hu minħabba f’hekk li ma jridx jibqa’ jmexxi lit-tim nazzjonali. Biex Sampaoli jinħall minn mal-kuntratt li għandu mal-Federazzjoni jrid iħallas sitt miljun dollaru. Ta min jiftakar li xahrejn ilu Sampaoli ġedded il-kuntratt tiegħu b’sentejn u hu marbut sal-2018.
F’kummenti li ta Sampaoli hekk kif ħarġet l-aħbar qal li mhux biss ma jridx jibqa’ jmexxi liċ-Ċili imma lanqas biss irid jibqa’ jgħix f’dan il-pajjiż.
Jidher li l-akbar favorit biex jieħu post Sampaoli hu l-kowċ Arġentin Marcelo Bielsa li ilu mingħajr klabb sa minn meta ħalla lil Marseille fil-bidu ta’ dan l-istaġun. Jekk Bielsa jinħatar kowċ taċ-Ċili din tkun it-tieni darba li jkun qed imexxi dan it-tim wara l-esperjenza li kellu bejn l-2007 u l-2011. Din is-sena ċ-Ċili se jkunu qed jikkompetu fil-Copa America li se ssir f’Ġunju li ġej filwaqt li huma impenjati wkoll fil-partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
//= $special ?>