Talanqas 23 persuna li ġejjin minn 18 il-pajjiż differenti tilfu ħajjithom waqt attakk minn terroristi tal-grupp Al-Qaeda fil-Maghreb Iżlamiku fuq lukanda lussuża f’Ouagadougou, il-kapitali ta’ Burkina Faso.
L-attakk dam għaddej sigħat matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, bl-aggressuri jikkonċentraw fuq il-Lukanda Splendid kif ukoll fuq kafeterija u lukanda oħra li jinsabu fl-istess zona tal-kapitali.
Is-sitwazzjoni nġiebet lura taħt kontroll wara sensiela ta’ battalji bejn il-qawwiet tas-sigurtà u t-terroristi. Intant, l-awtoritajiet għalqu l-aċċessi għal-Lukanda Splendid u għad hemm it-tensjoni fiċ-ċentru ta’ Ouagadougou.
Burkina Faso jinsab fil-Punent tal-Afrika u kelliema għall-Al-Qaeda fil-Maghreb Iżlamiku ħarġu messaġġ fejn assumew responsabbiltà għall-istraġi. Iċ-ċifra tal-vittmi ta’ dan l-attakk kienet mistennija titla fis-sigħat sussegwenti.
L-awtoritajiet fil-pajjiż iddikjaraw li s-sitwazzjoni inġiebet taħt kontroll wara l-intervent ta’ qawwiet tas-sigurtà lokali megħjuna minn qawwiet Franċiżi. Ir-rapporti qalu li dawn il-qawwiet irnexxielhom joqtlu talanqas erba’ terroristi. Sadanittant, xi rapporti qegħdin jgħidu li t-terroristi maqtula kienu jinkludu xi nisa, iżda l-Ambaxxatur Franċiż f’Burkina Faso sostna li dan ma kienx minnu.
Il-lukanda ewlenija fil-mira tat-terroristi jisimha Splendid u hi popolari mal-barranin u l-membri tal-istaff tan-Nazzjonijiet Uniti. L-awtoritajiet ta’ Burkina Faso qalu, aktar tard, li l-attakk twettaq minn talanqas seba’ terroristi li qabel kienu bbukkjaw akkommodazzjoni fl-istess lukanda.
L-attakk inkwistjoni fakkar fit-terrur ta’ Novembru li għadda, meta militanti tal-Al-Qaeda kienu assedjaw lukanda f’Bamako, fil-Mali, fejn inqatlu 19 il-persuna.
Wara t-tmiem tal-assedju fuq il-Lukanda Splendid daħlu wkoll rapporti li grupp ta’ militanti kien qed jhedded il-Lukanda Yibi fil-viċin u li militant minnhom kien spiċċa maqtul.
Il-President ta’ Burkina Faso, Roche Kabore għadu kemm żar s-sit tal-istraġi f’Ouagadougou u ħabbar li l-qawwiet tas-sigurtà rnexxielhom jeħilsu madwar 150 persuna li kienu qed jinżammu ostaġġ waqt l-eqqel tat-terrur.
//= $special ?>