Internazzjonali

Kompliet it-tensjoni dwar l-immigranti fil-Ġermanja

L-awtoritajiet fil-belt ta’ Bornheim mhumiex jippermettu li rġiel immigranti jużaw il-faċilitajiet ta’ pixxina pubblika wara li n-nisa li jiffrekwentaw il-kumpless ilmentaw dwar numru ta’ każi fejn huma ngħataw fastidju ‘mill-barranin’.

Uffiċjal tal-Gvern qal li l-immigranti – residenti f’xelter għal refuġjati li jridu kenn politiku – se jibqgħu pprojbiti mill-pixxina ‘sakemm jieħdu l-messaġġ li ċertu aġir mhux aċċettabbli’.

Dan wara li n-nisa li jattendu l-pixxina u ħaddiema tal-kumpless irrappurtaw li l-komportament tal-immigranti, f’ħafna każi, ma kienx xieraq . Għalkemm, ma kenux irrappurtati reati speċifiċi, il-ħaddiema soċjali f’Bornheim se jgħinu ‘biex jaċċertaw li l-barranin li qed ifittxu kenn politiku fil-lokalità jibdlu l-aġir tagħhom’.

Filwaqt li mhux ċar kif ċerti miżuri se jkunu infurzati, il-Ġermanja qed tħejji biex, fi Frar, tintroduċi dokumenti ta’ identità għall-immigranti.

Il-każ tal-pixxina segwa r-rabja tal-aħħar jiem wara li kienu rrappurtati mijiet ta’ każi ta’ aggrediment bi skop sesswali minn immigranti f’Cologne u bliet Ġermaniżi oħra, f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena. L-attakki, li fil-parti kbira twettqu minn Għarab u rġiel ta’ oriġini Afrikana, qajmu tensjoni sostanzjali dwar l-influss tal-immigranti fil-Ġermanja.

Il-korrispondenti fil-Ġermanja qalu li l-‘każ tal-pixxina’ hu l-aħħar sinjal tat-tensjoni li qed tiżdied wara l-inċidenti ta’ Cologne.

L-awtoritajiet fil-belt ta’ Rheinberg, f’dawn il-jiem, ħassru parata tal-Karnival li kien ippjanat għal Frar minħabba tħassib dwar is-sigurtà. Il-kapijiet tas-sigurtà lokali qalu li l-avvenimenti f’Cologne influwenzaw id-deċiżjoni dwar il-parata u li l-uffiċjali kienu inkwetati li l-immigranti fl-inħawi setgħu jġibu ruħhom ħażin. Iżda is-Sindku ta’ Rheinberg, Frank Tatzel, aktar tard ċaħad li ‘din kienet il-vera raġuni’.

Madankollu, l-awtoritajiet ta’ Cologne tennew tħassib dwar il-festi tal-Karnival li se jkunu organizzati f’din il-belt ix-xahar id-dieħel u wiegħdu li jżidu s-sigurtà, flimkien mal-impenji li jkattru ‘għarfien tas-sitwazzjoni’ fost il-pubbliku.