Tsai Ing-wen saret l-ewwel mara eletta bħala President tat-Tajwan, bl-għażla tat-Tajwaniżi tista’, ‘il quddiem, tħalli riperkussjonijiet għad-demokrazija f’pajjiżhom kif ukoll għar-relazzjonijiet ta’ Tajpej maċ-Ċina.
Fil-fatt, iċ-Ċina segwiet b’interess kbir din l-elezzjoni meta Tsai Ing-wen tirrappreżenta l-Partit Demokratiku Progressiv (DPP) li jrid indipendenza minn Beijing.
Sadanittant, Tsai, li għandha 59 sena, għamlet diskors tar-rebħa fejn sostniet li se tippreserva l-istatus quo fir-relazzjonijiet maċ-Ċina. Hi, iżda, qalet li ċ-Ċina teħtieġ tirrispetta s-sovranità tat-Tajwan u li l-ġirien iridu jħarsu kontra l-provokazzjonijiet.
Il-President ġdid tkellmet ukoll dwar era ġdida għat-Tajwaniżi u wiegħdet li tikkoopera ma’ partiti politiċi oħrajn fi kwistjonijiet ewlenin. Hi irringrazzjat lill-Istati Uniti u l-Ġappun għall-appoġġ u enfasizzat li t-Tajwan se jikkontribwixxi għall-paċi u stabbilità fir-reġjun.
L-elezzjoni saret ftit xhur biss wara laqgħa storika bejn il-Mexxejja tat-Tajwan u ċ-Ċina. Intant, iċ-Ċina ilha s-snin tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża tagħha u, fil-passat, heddet li lesta tuża l-forza biex tieħu lura t-territorju f’każ li jkun neċessarju.
F’din l-elezzjoni Tsai Ing-wen irnexxielha tegħleb lil Eric Chu, li aktar tard irriżenja minn Kap tal-Partit Kwomintang li mexxa lit-Tajwan għall-parti kbira ta’ dawn l-aħħar 70 sena. Irriżenja wkoll il-Prim Ministru tat-Tajwan, Mao Chi-kuo.
//= $special ?>