F’riflessjoni ta’ madwar siegħa dwar is-saċerdozju bħala “ministeru tal-miżerikordja”, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech saħaq li l-ewwel huma s-saċerdoti li jridu jemmnu fil-qawwa tal-Qrar u jfittxuh, biex jistgħu jiġbdu l-penitenti lejn Alla li ma jegħja qatt jaħfer. “Ħudu bis-serjetà, għożżu s-sagrament tal-Qrar fil-ħajja spiritwali tagħkom!”, qalilhom.
L-Isqof Mons. Mario Grech tkellem waqt il-Qsim tal-Awguri lis-saċerdoti fis-Seminarju ta’ Għawdex fejn għażel li jiddedika d-diskors tiegħu, li tradizzjonalment jagħti direzzjoni pastorali għas-sena l-ġdida, lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. “Nixtieq li bħala presbiterju djoċesan napprezzaw aktar is-sagrament tal-Qrar”, tenna ċar.
Id-diskors għalaq b’sett ta’ tmien suġġerimenti prattiċi, b’sejħa biex darba fil-ġimgħa l-knejjes jibqgħu miftuħa sa tard biex jipprovdu servizz ta’ Qrar, u f’kull parroċċa jkun hemm konfessuri disponibbli u post dinjituż “fejn tiġi mħarsa s-sagralità u l-kunfidenzjalità”.
Fl-aħħar nett ħabbar li talab lis-Santa Sede biex il-Papa jaħtar lil Patri Marcello Ghirlando OFM bħala “missjunarju tal-ħniena”, bl-awtorità li jaħfer anki d-dnubiet riservati għas-Sede Appostolika u jkun “predikatur konvinċenti tal-ħniena”.