L-Assoċazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) fi stqarrija qalet li tinsab imħassba dwar ir-rata li biha qed titnaqqas l-‘extra duty’ għall-pulizija. Fl-istqarrija l-MPA spjegat li l-bieraħ immarkat l-aħħar ġurnata li l-pulizija setgħu jagħmlu ‘extra duty’ ġewwa s-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. Din ser twassal għal nuqqas ta’ dħul għall-membri tal-Korp li jammonta għal madwar €100,000 fis-sena. Matul is-sena li għaddiet twaqqfet ukoll l-‘extra duty’ li kienet titwettaq ġewwa l-uffiċini distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali, fejn l-istess servizz ġie mgħoddi lill-kumpanija privata. F’Settembru tal-istess sena twaqqfet ukoll l-‘extra duty’ ġewwa l-Uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali li sarrfet f’nuqqas ta’ dħul ta’ €50,000 għall-membri tal-Korp. Dawn ix-xorta t’aħbarijiet sfortunatament ma jsibux it-tmiem tagħhom hawn, tant li mill-ġimgħa li ġejja ser titnaqqas b’mod sostanzjali ‘extra duty’ oħra ġewwa l-Pixkerija, li ser tirriżulta f’nuqqas ta’ madwar €200 oħra fil-ġimgħa.
L-MPA qalet li din is-sitwazzjoni hija waħda preokkupanti għall-membri tal-Korp. Dan għaliex filwaqt li r-rata ta’ taxxa fuq id-dħul mill-‘extra duty’ tnaqqset għall-15%, miżura li l-Assoċjazzjoni kienet ilha snin tirsisti għaliha, ix-xejra kurrenti qed turi li l-limitazzjoni tad-dħul tal-membri tal-Korp fir-realta’ qed tkompli tiżdied u mhux tonqos.
Fl-istqarrija l-Assoċażżjoni sostniet li tajjeb illi wieħed ikun jaf illi membru tal-Korp mhux jinghata l-opportunita’ li jagħmel xogħol part-time, u għalhekk l-uniku dħul żejjed li wieħed jista’ jagħmel huwa propju minn din l-‘extra duty’. Membru tal-Korp tal-Pulizija diġa’ qed jaħdem 46 siegħa fil-ġimgħa meta fil-fatt huwa mħallas ta’ 40 siegħa biss, u dan meta kkumparat ma’ ħaddiema oħra fis-servizz pubbliku fl-istess skala. Dan jammonta għall-15% ta’ siegħat żejda fuq il-bażi ta’ 40 siegħa li l-ħaddiem Malti jaħdem fil-ġimgħa.
Din l-inġustizzja soċjali hemm bżonn li tiġi rimedjata kompliet tgħid l-MPA. Għaldaqstant l-Assoċjazzjoni saħqet illi n-numru ta’ siegħat fil-ġimgħa ta’ ħidma għall-membri tal-Korp għandhom jitnaqqsu għal dak ta’ 40 siegħa bħal ta’ kull ħaddiem ieħor, jew inkella ssir reviżjoni tal-iskali li twassal sabiex il-membri tal-Korp jibdew jitħallsu tas-siegħat kollha li jaħdmu b’ekwivalenza mal-ħaddiema l-oħra fis-servizz pubbliku. Minbarra dan, l-Assoċjazzjoni talbet sabiex jiġu skedati dawk l-oqsma fejn wieħed ikun jista’ jagħmel xogħol part-time.
Il-ġustizzja soċjali titlob li l-membri tal-Korp tal-Pulizija, bħal kull ħaddiem ieħor, għandha tingħatalhom opportunita’ sabiex ikollhom dħul adegwat skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom kompliet tispjega l-MPA.
Fid-dawl tal-fatt li fix-xhur li ġejjin mistenni li jibda jiġi diskuss il-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, l-Assoċjazzjoni saħqet li, minħabba ċ-ċirkostanzi pekuljari tax-xogħol tal-Pulizija, għandu jew ikun hemm provedimenti ad hoc li jipprovdu għal tali ċirkostanzi, jew inkella l-Pulizija jiġu ndirizzati permezz ta’ ftehim settorali.
//= $special ?>

