Lokali

“Min jaħbi għandu għalxiex jaħbi”

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami fi stqarrija qal li Ilbieraħ filgħaxija ġie kkonfermat mill-Pulizija li fil-5 ta’ Jannar li għadda, seħħ attentat ta’ suwiċidju minn persuna li kienet taħt arrest mill-Pulizija. Wara jiem ta’ skiet, issa ġie kkonfermat li fi żmien tliet xhur, kien hemm 4 każijiet ta’ suwiċidju u attentati ta’ suwiċidju minn persuni taħt arrest, li waslu għall-mewt ta’ tlieta minnhom.

Beppe Fenech Adami qal li fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela għandu ħafna xi jwieġeb. Fost il-mistoqsijiet li għandu jwieġeb tkompli tgħid l-istqarrija hemm meta sar jaf bl-attentat ta’ suwiċidju tal-5 ta’ Jannar 2016? Għaliex l-attentat ta’ suwiċidju tal-5 ta’ Jannar li għadda nżamm moħbi? Għaliex fil-Parlament, din il-ġimgħa stess, irrefera għall-mewt ta’ persuna li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iżda ma għamel ebda referenza għal dan il-każ serju li l-media rrappurtat ilbieraħ? Għaliex infetħet investigazzjoni interna dwar l-attentat ta’ suwiċidju tal-5 ta’ Jannar 2016 wara li din l-aħbar ġiet żvelata fil-media u mhux qabel? Għaliex il-Ministru, sal-lum, qiegħed jirrifjuta li jagħmel inkjesta pubblika skont il-liġi, sabiex jiġi stabbilit x’wassal għal din il-mewġa ta’ traġedji?

Min jaħbi għandu għalxiex jaħbi tkompli tgħid l-istqarrija.

Beppe Fenech Adami qal li huwa evidenti li l-Ministru tilef il-kontroll tal-operat tal-Pulizija. Huwa evidenti wkoll li l-inkompetenza tal-Ministru ġabet lill-Korp tal-Pulizija fi kriżi, tant li 3 persuni fi żmien tliet xhur tilfu ħajjithom waqt li kienu arrestati, u persuna oħra feriet lilha nnifisha.

L-istqarrija ttem tgħid li għal dan kollu, għandha tintrefa r-responsabbilta’ politika, “Dan mhux dak li wiegħed Joseph Muscat”.