Bastiment tal-gwardjani tal-kosta Taljani wassal 246 immigrant fil-port ta’ Katanja, fi Sqallija.
Dan wara li l-immigranti, li kienu jinkludu nisa u xi ftit tfal, sabu ruħhom f’diffikultà huma u jaqsmu l-Mediterran b’żewġ dinghies waqt li fi triqthom lejn l-Ewropa.
L-immigranti kienu salvati wara żewġ impenji urġenti li saru ‘il hinn mill-kosta tal-Libja.
Ir-rapporti qalu l-bastiment Taljan, bl-isem Dattilo, bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, irnexxielu jsalva 131 immigrant u 115 oħra, waqt impenji separati. Sadanittant, il-gwardjani tal-kosta Taljani rkupraw ukoll il-katavru ta’ immigrant minn wieħed mid-dinghies li kien qed jegħreq fil-ħin li huma waslu fiz-zona tal-emerġenza.
Fl-aħħar sentejn, ‘il fuq minn 320,000 immigrant u refuġjati rnexxielhom jaslu sal-kosta tal-Italja wara numru ta’ vjaġġi mill-Mediterran.
//= $special ?>