“Ejja nieqfu mill-ġirja għall-qiegħ, ejja nagħtu vuċi soda lil min hu favur l-ambjent, ejja noffru tama ġdida għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”
Kien b’dan il-kliem li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għalaq id-diskors tiegħu fi tmiem il-Konvenzjoni Ġenerali bit-tema Idea Ambjent.
Matul id-diskors tiegħu Simon Busuttil staqsa x’tip ta’ pajjiż irridu ngħixu fih u rridu nħallu lil uliedna. Huwa qal li r-risposta għal dan tiddependi fuq il-valuri li nħaddnu, fost dawn il-valur li ma npoġġux il-flus l-ewwel u qabel kollox, il-valur tar-rispett u l-valur li nagħtu lill-kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-użu tal-ispazji tagħna fosthom fl-ambjent urban, rurali u fil-kosta Maltija. Huwa tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li ma jħallix li jsir bini f’żoni ODZ ħlief għal każi eċċezzjonali. Saħaq li l-proprjeta’ tal-Gvern mhix il-proprjeta’ ta’ Joseph Muscat u wera t-tama li jkun hemm kunsens fil-proposta ta’ liġi li ressqet l-Oppożizzjoni għall-ħarsien ta’ wirt komuni.
Fid-diskors tiegħu Simon Busuttil mess ma’ diversi kwistjonijiet ambjentali li kkaratterizzaw din il-leġislatura, fosthom il-kwistjoni taż-Żonqor u t-tanker tal-gass f’Marsaxlokk.
Dwar il-kwistjoni ta’ Gaffarena, Simon Busuttil qal li mhux se jħalli lil Joseph Muscat jinqeda b’ reshuffle biex jaħbi r-riżultati tal-inkesjta li mistennija tkun ippubblikata nhar l-Erbgħa li ġej.
Simon Busuttil saħaq, li l-Partit Nazzjonalista jista jkun favur l-ambjent u jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Huwa qal li ħafna, inkluż Laburisti ġenwini, jgħarfu li dak li qal hu huwa fl-interess ta’ pajjiżna u għalhekk l-ambjent jista’ jgħin lill-Partit Nazzjonalista biex iżid fil-popolarita’ tiegħu u jirbaħ l-elezzjoni li jmiss.
//= $special ?>