Qed ikun investigat permess maħruġ għal bini f’żona ‘l barra mill-iżvilupp fis-Siġġiewi, permess li ngħata lir-raġel tat-tifla ta’ konsulent ta’ Ministru.
The Sunday Times of Malta, li żvelat il-każ, qalet li s-suspett tqanqal wara l-mod kif ingħata l-permess għall-bini fuq art agrikola. L-applikazzjoni saret f’isem Roderick Farrugia, ir-raġel tat-tifla tal-ex deputat Laburista Bertu Pace, li hu wkoll konsulent għas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. L-art agrikola involuta f’din il-kontroversja hi ODZ fiż-żona Ta Sant Andrija fis-Siġġiewi, liema art hi identifikata bħala art ta’ importanza agrikola.
Skont ir-rapport tat-Times, il-permess kien approvat wara ittra mid-dipartiment tal-agrikoltura, liema ittra inbatgħatet lill-bord tal-MEPA ftit qabel ittieħdet id-deċiżjoni. Il-perit kien l-ex Ministru Laburista Charles Buhagiar.
Kienet din l-ittra li bidlet id-deċiżjoni, filli ma kienitx approvata u filli ġiet approvata. Dan qanqal mistoqsijiet dwar jekk kienx hemm involviment ta’ Bertu Pace fuq l-operat tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jirriżulta li l-każ kollu kien mibni fuq dokument bil-letterhead tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, iffirmata minn Stephen Galea, li ddeskriva lilu nnifsu bħala vet support officer u li qal li hu, qabel is-sena 2000, żar ir-razzett għal spezzjonijiet.
Ittra oħra kienet preżentata minn veterinarju jaħdem mal-Ministeru, li intbgħatet lill-Perit Buhagiar u li tgħid li s-sit ma jistax ikun użat għal razzett jekk ma jkunx modernizzat skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
B’mod mhux normali, l-ebda wieħed mid-dokumenti li l-MEPA għamlet riferenza għalihom mhu disponibbli għall-pubbliku.
Fil-fatt talbiet minn The Times biex jingħataw id-dokumenti rilevantti, ma kinux milqugħa. Jirriżulta li d-direttur tal-operazzjonijiet tal-Ministeru responsabbli, Philip Schembri, qed jagħmel investigazzjoni dwar l-operat tad-dipartiment.
Ritratt: The Sunday Times of Malta
//= $special ?>