Kien hemm ċelebrazzjonijiet fl-Iran hekk kif is-sanzjonijiet internazzjonali li kien hemm kontra dan il-pajjiż tneħħew. Sanzjonijiet li kienu imposti tul is-snin minħabba l-programm nukleari tiegħu u li issa li fix-xhur li għaddew intlaħaq qbil dwaru, tneħħew.
Hassan Rouhani, il-President Iranjan, qal li issa kien infetaħ kapitlu ġdid.
Fl-istess ħin, l-ishma fil-Borża ta’ Dubai irreġistraw telf kbir wara l-aħbar. Il-prezz taż-żejt bħalissa hu baxx ħafna minħabba provvista tajba fis-suq internazzjonali u issa bit-tneħħija tas-sanzjonijiet kontra l-Iran, fis-suq internazzjonali se jibda jinbiegħ anki ż-żejt Iranjan.
Is-Sibt, l-International Atomic Energy Agency (IAEA) tan-Nazzjonijiet Uniti kkonfermat li l-Iran kien wettaq il-partit tiegħu tal-ftehim li kien sar. Bi tpattija ta’ dan, l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti neħħew sensiela ta’ sanzjonijiet li kienu imponew kontra l-Iran u li kienu xekklu mhux ftit l-ekonomija Iranjana. Pass li fost l-affarijiet se jwassal biex l-Iran jirkupra immedjatament parti mill-100 biljun dollaru f’assi ffriżati li kellu.
Jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-Iran
