Internazzjonali

L-Awstrija tissospendi l-ftehim ta’ Schengen

Werner Faymann, il-Kanċillier Awstrijak, ħabbar li l-Awstrija kienet se tissospendi temporanjament il-ftehim ta’ Schengen.
Dan biex tikkontrolla aħjar min qed jidħol fil-pajjiż kif ukoll tħaffef id-deportazzjoni ta’ dawk li ma jkollhomx dritt biex jibqgħu fil-pajjiż.
Faymann ħabbar dan f’intervista pubblikata l-Ħadd fil-ġurnal Awstrijak ‘Oesterreich’.
Faymann qal li kull min jasal fil-pajjiż se jkun soġġett għal kontrolli u minn issa ’l quddiem min irid jidħol fl-Awstrija jrid jippreżenta dokument ta’ identifikazzjoni uffiċjali. Hu żied li apparti hekk, min ma jkunx ingħata kenn fil-Ġermanja ma kienx se jingħata kenn lanqas fl-Awstrija.
Il-Kanċillier Awstrijak wissa li jekk l-Unjoni Ewropea ma jirnexxilix tassigura s-siġurtà tal-fruntieri esterni, allura kull pajjiż irid jibda jikkontrolla dawn il-fruntieri u dan ipoġġi mistoqsijiet kbar dwar il-ġejjieni ta’ Schengen, il-ftehim li jippermetti l-ivvjaġġar ħieles bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Hu żied li jekk ma jsirx xi ħaġa malajr dwar dan, il-ġejjieni tal-UE kollha kien se jitpoġġa f’dubju.