Ġellieda tal-ISIS irnexxielhom jaħtfu madwar 400 persuna wara assalt kontra l-belt Sirjana ta’ Deir Ezzor. Assalt li ħalla wkoll ammont kbir ta’ nies mejta.
Skont is-Syrian Observatory for Human Rights (SOHR), li hu l-aħjar sors ta’ dak li qed jiġri fis-Sirja, fl-attakk l-ISIS qatlu wkoll tal-anqas 130 persuna, fosthom 85 persuna ċivili. Qabel ma rtiraw, il-ġellieda tal-ISIS ħadu magħhom madwar 400 ostaġġ li fil-maġġoranza kienu nisa u tfal u qraba ta’ dawk li qed jiġġieldu kontra l-ISIS.
Il-SOH qal li tal-anqas 40 ġellieda tal-ISIS inqatlu fl-attakk u li sal-bieraħ il-ġlied kien għadu għaddej. L-offensiva twettqet minkejja l-appoġġ li qed jingħataw il-forzi tal-Gvern Sirjan minn avjazzjoni militari Russa.
Is-SOHR qal ukoll li s’issa minn mindu f’Settembru bdew l-attakki mill-ajru Russi, hu stmat li aktar minn 800 ġellied tal-ISIS inqatlu fl-attakki Russi. Intqal ukoll li fl-attakki mill-ajru li qed jitmexxew mill-Istati Uniti, inqatlu 3,700 ġellied ieħor tal-ISIS. L-attakki mmexxija mill-Istati Uniti fis-Sirja ilhom li bdew minn Settembru tal-2014.
Maħtufa mijiet ta’ ostaġġi Sirjani mill-ISIS
