Għandna naħdmu flimkien biex insibu soluzzjoni għall-problemi ambjentali u nfasslu politika ħolistika u parteċipattiva li twassal għal kwalita ta’ ħajja aħjar.
Kien b’dan il-ħsieb li temmet id-diskors tagħha l-Perit Simone Vella Lenicker fi tmiem il-Konvenzjoni Generali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Idea Ambjent.
Fid-diskors tagħha Vella Lenicker faħħret il-partecipazzjoni tan-nies minn kull qasam tas-socjeta matul din il-Konvenzjoni.
Vella Lenicker tkellmet b’mod partikolari dwar il-workshops u qalet li dawn kienu opportunita ta’ partecipazzjoni mill-pubbliku li se jgħinu biex titfassal politika inklussiva li tħares ‘il quddiem.
Fid-diskors tagħha l-President tal-Konvenzjoni Generali siltet għaxar punti ewlenin li ħarġu mid-diskussjoni. Fost dawn il-ħtieġa li l-ambjent jingħata prijorita’.
Punti oħra kienu li titfassal strateġija fit-tul u l-importanza tar-riċerka u l-istudju b’appell lill-politiċi biex iħarsu lejn studji li jsiru minn esperti Maltin.
Vella Lenicker qalet li punt ieħor li ħareġ mill-workshops kien il-milja tal-ġid komuni b’ħafna jsostnu li l-politiċi ma għandhomx iċedu għall-pressjoni tal-voti. Marbut ma’ dan, il-punt li l-poplu jistenna li jkun hemm governanza tajba.
Il-valur tal-edukazzjoni u r-rispett kien punt ieħor li tqajjem mill-workshops kif kien ukoll ir-relazzjoni bejn is-saħħa u l-ambjent.
Il-parteċipanti fil-workshop tkellmu wkoll dwar ir-rabta bejn l-ambjent u l-ekonomija. Vella Lenicker saħqet li l-fulkru tar-relazzjoni bejn l-ekonomija u l-ambjent għandu jkun il-bniedem għax b’hekk biss jista’ jkun hemm sinerġija, u mhux kunflitt, bejn l-ambjent u l-ekonomija.
Il-kultura kien ukoll wieħed mit-temi li tqajmu waqt il-workshops b’ħafna jisħqu li għandha ssir diskussjoni dwar l-arti, il-kultura u l-arkitettura f’Malta lil hinn minn kontroversji politiċi. Il-parteċipanti fil-workshops, spjegat Vella Lenicker, tkellmu wkoll dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni pubblika b’kull persuna jkollha d-dmir li tagħti l-kontribut tagħha għall-milja tal-ġid komuni.
Għal dan il-għn Simone Vella Lenicker pproponiet li l-Partit Nazzjonalista itella’ numru ta’ workshops oħra ffukati fuq temi speċifiċi li jagħtu spazju għal iktar proposti dwar il-qasam ambjentali.
//= $special ?>

