Internazzjonali

Posposta d-deċiżjoni dwar il-Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan

Il-grupp inkarigat biex jaħtar il-Gvern ta’ għaqda nazzjonali għal-Libja skont pjan appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, ippospona d-dikjarazzjoni li ntlaħaq qbil bi 48 siegħa.
Il-Kunsill Presidenzjali bażat fit-Tuneżija fi stqarrija li ħarġet tard is-Sibt qal li filwaqt li sar progress kbir minn mindu bdew id-diskussjonijiet f’Jannar, kien hemm bżonn jumejn oħra biex il-ħidma tintemm.
Sadattant il-Gvern Taljan ikkonferma li kien bagħat erba’ ajruplani militari tat-tip AMX (ritratt) u drone tat-tip Predator lejn il-bażi f’Birgi f’Trapani f’Sqallija. Dan minħabba tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Libja. Dan wara laqgħa li l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi kellu mat-tmexxija militari Taljana matul il-ġimgħa li għaddiet.
Skont stqarrija tal-Ministeru tad-Difiża Taljan, dan il-pass sar minħabba l-aħħar żviluppi fit-Tramuntana tal-Afrika u tħassib għas-sigurtà nazzjonali.
Dan il-pass tħabbar wara li fil-ġranet li għaddew kien hemm rapporti li sostnew li ajruplani militari Franċiżi, Amerikani u Ingliżi kienu għamlu titjiriet fuq il-Libja. Imma Paolo Gentiloni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, insista li bħalissa intervent militari internazzjonali fil-Libja kien ikun żball kbir.