Lokali

Staff tar-RBSM Boarding School jallegaw li ilhom xhur ma jieħdu l-pagi dovuti lilhom

L-iskola tagħlaq il-bibien għal xi studenti wara li tħallset bil-quddiem flejjes kbar minn ġenituri ta’ tfal

Impjegati fi rwoli differenti f’dik li hi magħrufa bħala RBSM Boarding School li tinsab f’San Pawl il-Baħar, u li fiha jingħataw servizzi edukattivi lil tfal mir-Russja jew minn pajjiżi oħra li kienu jagħmlu mill-blokk Sovjetiku, allegaw ma’ il-mument li ilhom ma jitħallsu tal-pagi rispettivi tagħhom u li s-sitwazzjoni f’din l-iskola hi ta’ tħassib ħafna.

L-impjegati li tkellmu ma’ il-mument fissru li f’dawn l-aħħar xhur, l-iskola RBSM marret lura ħafna. It-tmexxija tal-iskola hija f’idejn Evgueni Bodishtianu u Snezhanna Sofeina Bodishtianu.

L-istituzzjoni edukattiva RBSM Boarding School twaqqfet f’Malta fl-1997 u kienet inawgurata bħala skola minn Evarist Bartolo li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Edukazzjoni fi żmien Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant.

Skola li tattira studenti mir-Russja u minn dak li kien il-blokk Sovjetiku

Din l-iskola twaqqfet biex tipprovdi taħlita ta’ tagħlim bejn il-kurrikulu Russu u l-kurrikulu Ewropej.

Jallegaw li ma kinux qed jingħataw il-pagi fil-ħin

Is-sorsi ta’ il-mument komplew li fl-aħħar xhur kienu spissi l-inċidenti fejn impjegati ta’ din l-iskola ma kenux qed jingħataw il-paga fil-ħin. Is-sorsi ta’ il-mument qalu li ħaddiema li jservu f’din l-iskola ma kellhomx alternattiva – jew jaċċettaw is-sitwazzjoni, inkella jaraw l-impjieg tagħhom mitmum u eventalment il-visa ma tkunx imġedda u eventwalment jispiċċaw ikollhom jitilqu mill-pajjiż b’ta’ fuqhom senduqhom.

Xi ġenituri mgħarrfa li uliedhom mhux se jibqgħu jingħataw tagħlim

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument komplew li żviluppi importanti ħafna seħħew fil-bidu ta’ din is-sena meta t-tmexxija tal-Iskola jidher li għalqet parti mill-iskola u infurmat lill-ġenituri tat-tfal b’dispjaċir it-tfal m’hux se jibqgħu jingħataw tagħlim fl-iskola minħabba li kienet se tagħlaq il-bibien tagħha.

Nifhmu li l-ġenituri ta’ dawn it-tfal, maħsuda b’din l-aħbar, huma rrabjati ħafna għal dan l-atteġġjament, aktar u aktar meta l-ħlasijiet minn dawn il-ġenituri saru bil-quddiem.

russi